Il-Qorti taqtaha favur priġunier u l-għarusa tiegħu hekk kif ma tħallewx jiżżewġu...

...il-priġunier stqarr li ġie trattat b'mod inuman u degradanti wara li għamel intervista fuq l-istorja tagħhom fuq Xarabank 

Raġel li jinsab fil-faċilità Korrettiva ta' Cordin flimkien l-għarusa tiegħu ngħataw kumpens wara li l-Qorti ddikjarat li d-dritt tagħhom, li jkollhom familja u ħajja privata, ġie miksur mill-awtoritajiet tal-ħabs. Dan hekk kif ir-raġel ma tħalliex jieħu leave, biex ikunu jistgħu jiżżewġu. Il-Qorti ddikkjarat ukoll li t-trasferiment tar-raġel fid-"diviżjoni tal-kastigi", wara li fetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-awtoritajiet tal-ħabs u għamel intervista ma' Xarabank bħala trattament degradanti u inuman. 

Il-priġunier qiegħed il-ħabs hekk kif instab ħati ta' serq aggravat ta' ġojellerija, kontanti u oġġetti oħra minn żewġ residenzi fil-Gżira fl-2014 u fl-2015. Fl-2018 huwa nstab ħati wkoll li ta fastidju lil mara.

Fiż-żmien li għamel il-ħabs huwa kien involut f'numru ta' ġlied ma' ħabsin oħra tant li ngħata sentenzza addizzjonali talli attakka gwardjan. Huwa kellu minn tal-inqas 107 każi dixxiplinarji pendenti quddiem id-direttur tal-ħabs. 

Ir-relazzjoni bejn il-koppja bdiet minn messaġġ, waqt li kien il-ħabs

Il-koppja fetħet il-kawża kontra d-Direttur tal-Kordin fl-2019, li dak iż-żmien kien Alex Dalli. Fl-applikazzjoni għall-kawża, ir-raġel qal li kien soġett għal trattament degradanti u inuman meta ġie msakkar fiċ-ċella tiegħu, għarwien u mingħajr saqqu. Apparti minn hekk, konsegwenza oħra ta' din il-kawża kienet li l-għarusa ma ngħatatx permess tidħol il-ħabs u l-ittri li kienet tibagħtlu kienu jiġu kkonfiskati. Ma setgħetx toħodlu ħwejġu, tħasilomlu jew tibagħtlu xi flus.

Fix-xieda tiegħu fl-2020 il-kurunell Dalli qal li l-priġunier kien involut fi ġlieda sa' tlett ijiem qabel is-seduta. Dalli żied jgħid li l-leave kien ġie approvat minnu stess iżda imbgħad biddel fehmtu 10 t'ijiem qabel id-data skedata, minħabba l-imġieba tal-priġunier. Il-koppja kienet taf ilha taf ll xulxin mit-tfulija tagħhom iżda waqt l-intervista ta' Xarabank l-għarusa saħqet li r-relazzoni tagħhom bdiet meta bagħtilha messaġġ  permezz ta' mobile li kellu waqt li kien il-ħabs. 

Minn diviżjoni... għal oħra 

F'Ottubru tal-2020 il-priġunier qal lill-Qorti li t-torturi seħħew bejn Jannar u Awwissu tal-2018. Huwa kompla jgħid li wara li kien involut fi ġlieda ma xi ħabsin, għamel seba' xhur waħdu fid-diviżjoni 15, li dak iż-żmien kien jopera attivitajiet illegali, minkejja li dan ġie miċħud minn Dalli. Ir-raġel kompla jgħid li ġie abbandunat għall sitt xhur f'din id-diviżjoni u li kienu qalulu li għamlu dan għall-protezzjoni tiegħu stess. Il-ħabsi qal li kien qiegħed jikkontempla li jtemm ħajtu u li ma ngħatax għajnuna ta' psikjatra. 

Meta ngħata l-aħbar li ma kienx se jiżżewweġ ir-raġel huwa ma laqax din l-aħbar tajjeb u tefawlu l-pepper spray, li f'pajjiżna għadu illegali. Minn hemm huwa ġie trasferit fid-diviżjoni numru 6 li normalment fiha l-ħabsin ikunu jinżammu fiċ-ċella għal 23 siegħa u jingħataw iċ-ċans li jagħmlu telefonata darba kull 10 t'ijiem. F'dik id-diviżjoni, huwa reġa irribela u sussegwentement ġie trasferit fil-ħames diviżjoni, normalment riżervata għal priġuniera li qed jiskontaw għomorhom il-ħabs. Hemm huwa għamel total ta' 60 jum. 

F'dan iż-żmien huwa għamel xahrejn mingħajr kuntatt mal-għarusa tiegħu sakemm ħallas is-somma ta' €927 tad-danni li kien għamel. Wara ġie trasferit fid-diviżjoni 13, fejn qatta sitt xhur hemm u ġie rrappurtat li kiser ir-regoli darba biss. Minn hemm għal darba oħra talab il-permess biex jiżżewweġ iżda ġiet rifjutata mill-Kaptan Korrettiv Elenio Galea. 

"Jien u sejjer fis-sitt diviżjoni, rajt id-direttur u preċiżament qalli, 'sakemm tkun taħt għajnejja int qatt mhux se tiżżewweġ, irringrazzja lill-avukat u lill-għarusa," qal il-priġunier. F'seduta preċedenti Dalli ċaħad li qal dan il-kliem. 

Il-Qorti irrimarkat li għall-istqarrija li ġie ittorturat ma kienx hemm biżżejjed provi fuq hekk u għaldaqstant ċaħdet l-appell. Il-Qorti tgħid li huwa intbagħat fiċ-ċella waħdu biex jipproteġi lill-priġunieri l-oħra. Il-Qorti tgħid ukoll li l-fatt li huwa inbagħat fis-sitt diviżjoni wara l-intervista fuq Xarabank, kien trattament inuman u degradanti kif ukoll juri abbuż ta' poter mill-awtoritajiet tal-ħabs u għaldaqstant, kien għalhekk li l-Qorti tat kumpens ta' €1,000 lir-raġel u €500 tad-dannu morali mġarrab. 

More in Qrati u Pulizija