Jintlaqa' r-rikors tal-Gvern... Il-mandat ta' inibizzjoni se jinstema b'urġenza għada!

Il-Gvern permezz tal-Avukat tal-Istat ippreżenta rikors sabiex il-mandat ta’ inibizzjoni jinstema b’urġenza għada stess

L-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema, li kien mistenni li jibda nhar il-Ħadd li ġej, mhux se jibda kif kien mistenni hekk kif il-Qorti laqgħet, b'mod proviżorju, l-mandat ta' inibizzjoni li ressqet Birdlife Malta ilbieraħ. Dan il-mandat ġie ppreżentat kontra l-Prim Ministru Robert Abela, l-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, il-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri u s-Sezzjoni Regolatorja għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).  

Minn naħa l-oħra l-Ministru Clint Camilleri saħaq li llum stess il-Gvern, permezz tal-Avukat tal-Istat ippreżenta rikors biex dan il-mandat ta' inibizzjoni jinstema b'urġenza u qabel is-smiegħ nhar it-Tlieta. Fil-fatt, l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ħabbret fuq facebook li l-mandat ta' inibizzjoni se jinstema b'urġenza għada l-14 ta' April. 

Oriġinarjament, dan il-mandat kien se jinstema' nhar it-Tlieta 19 ta' April. L-Imħallef Audrey Demicoli, se tieħu d-deċiżjoni finali jekk il-mandat hux se jidħol fis-seħħ b'mod permanenti u għaldaqstant jitwaqqaf dan l-istaġun. 

L-FKNK quddiem il-Qorti
L-FKNK quddiem il-Qorti

Waqt dan l-istaġun, li suppost jagħlaq fit-30 ta' April, il-kaċċaturi setgħu jisparaw fuq massimu ta' 1,500 gamiema kif ukoll fuq is-summien. Madanakollu, peress li d-deċiżjoni inizjali kienet waħda proviżorja u għaldaqstant mhux definita, il-Qorti ddeċidiet li sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali kienet se tkun illegali li l-kaċċaturi jisparaw fuq il-gamiema. Ovjament, din id-deċiżjoni ġiet iritirata peress li s-smigħ tas-seduta se ssir għada stess. 

ll-Ministru Clint Camilleri
ll-Ministru Clint Camilleri

Sadanittant, l-FKNK dalgħodu ressqet rikors fil-Qorti kontra dan il-mandat. Hija qalet li dan ir-rikors se jgħin biex jintervjeni fil-kawża peress li l-istess FKNK tirrappreżenta l-maġġoranza tal-kaċċaturi li diġà huma liċenzjati sabiex minn nhar il-Ħadd joħorġu għall-kaċċa tal-gamiem.

More in Qrati u Pulizija