Jiġru wara żagħżugħ u jagħtuh xebgħa f'Paceville wara li qabbduh jisraq; Jispiċċa l-Qorti kollu ġrieħi

Il-Maġistrat ma ħadet gost xejn li l-akkużat wasal quddiemha f’dik il-kundizzjoni u bi ġrieħi f’wiċċu u saħqet li ħadd, għamel x'għamel, ma għandu jispiċċa f’dak l-istat

Żagħżugħ ta’ 18-il sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace mimli ġrieħi wara li qala’ xebgħa tajba minn għadd ta’ persuni li allegatament qabbduh jisraq baskett ta’ koppja barranija.

Iż-żagħżugħ kien akkużat b’serq, li rreżista arrest, li ma kienx liebes maskra fil-pubbliku u li sar reċidiv. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1am tas-16 ta’ Jannar f’Paceville.

L-Ispettur Xuereb spjega kif grupp ta’ persuni ġrew wara l-akkużat hekk kif rawh jisraq baskett ta’ koppja u li fih kien hemm żewġ mowbajls. Eventwalment dawn qabbduh, tawh xebgħa, rabbtuh u sejħu lill-Pulizija. 

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi.  

Il-Maġistrat ma ħadet gost xejn li l-akkużat wasal quddiemha f’dik il-kundizzjoni u bi ġrieħi f’wiċċu u saħqet li ħadd ma għandu jispiċċa f’dak l-istat.

Fi kliemha, dan il-każ ma għandux jispiċċa hawn. Iddeskriviet il-każ bħala allarmanti u saħqet li l-ebda persuna ma għandha tkun itrattata b’dak il-mod f'pajjiż iċċivilizzat.

Kien għalhekk li ħeġġet lill-Pulizija biex ma jiqfux jinvestigaw dan il-każ issa li ressqu liż-żagħżugħ.

Id-Difiża saħqet li l-akkużat, minħabba d-daqqiet li qala’ u l-istat li spiċċa fih, ma jista’ jiftakar xejn minn dak li seħħ dakinhar.

Il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-akkużat ikkopera magħha u anke serrħet ras il-Qorti li saru t-testijiet kollha neċessarji biex ikun assigurat li jingħata l-kura kollha meħtieġa.

F’dan l-istadju, id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. 

More in Qrati u Pulizija