Stupraha meta marret tawguralu l-vjaġġ it-tajjeb ... jitlob il-ħelsien mill-arrest għax 'ġrat darba biss'

L-akkużat kien se jivvjaġġa lejn Sqallija biex jara lil ommu għax kienet qed tmut 

Ftit mumenti ilu, il-Qorti semgħet kif raġel allegatament stupra mara Maltija, li magħha kellu “tip ta’ relazzjoni fiżika fit-tul”. L-akkużat, Sqalli ta’ 44 sena, tressaq il-Qorti aktar kmieni llum quddiem il-maġistrat Rachel Montebello.

L-ispetturi tal-Pulizija, li kienu qed jipproċedu flimkien mal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, akkużaw lir-raġel bi stupru u li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha.

Fil-Qorti ntqal li r-reat kien seħħ matul il-lejla tal-14 ta’ Jannar fir-residenza tal-akkużat f’Tas-Sliema, meta l-mara marret tawguralu "l-vjaġġ it-tajjeb". Dan għax l-akkużat kien se jivvjaġġa lejn Sqallija biex jara lil ommu għax kienet qed tmut.

L-avukat difensur ippreżenta dikjarazzjoni li l-akkużat mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest 

L-avukat difensur qal lill-Qorti li l-inċident kien wieħed iżolat li kien seħħ "darba biss."

Għaldaqstant, għalkemm l-allegata vittma kienet għadha ma xehditx, kien hemm provi oħra minbarra x-xhieda tal-vittma, inkluż il-mowbajl tal-akkużat. 

L-akkużat hu ċittadin Taljan li kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 5 snin. Għalkemm ma kellu l-ebda rabtiet familjari ma’ Malta, l-intenzjoni tiegħu kienet li jkompli jgħix hawn filwaqt li min iħaddem lill-akkużat faħħru bil-kbir u kien qabbad lill-avukat f’ismu.

"Kien hemm relazzjoni fiżika fit-tul," fakkar l-avukat difensur. "Wara xhur, jekk mhux snin, dan l-inċident kien seħħ bħal sajjetta f’ġurnata xemxija”, kompla jgħid, filwaqt li sostna wkoll li kienet il-vittma li dehret fuq l-għatba tal-akkużat mingħajr stedina.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u semmiet l-istadju bikri tal-proċeduri u l-fatt li l-vittma kienet għadha ma xehditx, kif ukoll il-gravità tar-reat allegat. Min-naħa tiegħu il-prosekutur qal li l-akkużat ma kienx Malti, minkejja li kien ilu jgħix fil-gżejjer. “Għandna informazzjoni li l-akkużat ma jistax jiġi fdat biex jibqa’ Malta u ma kellu ebda permess ta’ residenza hawn,” temm jgħid il-prosekutur.

Intant l-Ispettur qal lill-Qorti li l-prosekuzzjoni kienet qed toġġezzjona l-aktar minħabba l-biża’ li jipprovoka lix-xhieda tagħhom jew jaħrab. Dan filwaqt li rrimarka li l-akkużat kellu pjanijiet biex iżur ommu marida fi Sqallija qabel l-inċident. 

Meta l-akkużat kien mistoqsi mill-pulizija kif kien se jivvjaġġa, peress li ma kienx ħa l-booster tal-vaċċin Covid, huwa kien wieġeb li kellu mod kif jevita l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar permezz ta’ ħabib tiegħu li jaħdem mad-dipartiment tas-sajd. L-avukat difensur kontroargumenta li r-raġel kien iddisprat biex iżur lil ommu li kienet qed tmut.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet fuq il-libertà proviżorja, il-Qorti ċaħdet it-talba u ddeċidiet li r-raġel kellu jinżamm arrestat, u talbet lill-prosekuzzjoni biex issejjaħ lix-xhieda tagħha kemm jista’ jkun malajr.

More in Qrati u Pulizija