1,756 ġenitur fl-aħħar tliet snin imressqa l-Qorti fuq każi ta’ assentejiżmu

'Maż-żmien jibqa’ jkun hemm monitoraġġ fuq il-ġenituri responsabbli minn uliedhom li jkunu assenti fuq bażi regolari.'

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana qalet li fl-aħħar tliet snin, kien hemm 1,756 ġenitur li dehru quddiem il-Qorti, minħabba li t-tfal tagħhom ma kinux qed jattendu l-iskola. Hija wieġbet hekk wara li ġiet mistoqsija dwar dan mid-Deputat Hermann Schiavone waqt seduta Parlamentari.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa wkoll x’deċiżjonijiet ħa t-Tribunal Lokali. Għal dan Caruana wieġbet li d-deċiżjonijiet meħuda mit-Tribunal Lokali ma jiġux ikkomunikati lill-Ministeru.

Minkejja dan hija spjegat li l-Ministeru, id f’id mal-iskola, ma’ professjonisti oħra mid-Direttorati għall-Edukazzjoni u anke ma’ servizzi barra d-direttorati, maż-żmien jibqa’ jkun hemm monitoraġġ fuq il-ġenituri responsabbli minn uliedhom li jkunu assenti fuq bażi regolari.

X’tgħid il-liġi fuq l-assentejiżmu?

Skont l-Att dwar l-Edukazzjoni, il-ġenitur huwa responsabli mill-ulied, li jinsabu fl-età obbligatorja bejn ħames snin u 15-il sena, li jiżguraw li jattendu l-iskola, b’mod regolari. Meta dawn ifallu milli jiżguraw li uliedhom jattendu l-iskola b’mod regolari il-liġi tqishom li jkunu ħajta ta’ reat u jidħlu fiċ-ċans li jiġu penalizzati.

Jekk il-ġenituri jerġgħu jiġu kkundannati għat-tieni darba b’reat simili, il-qorti tista’ ċċaħħad mill-awtorità tal-ġenitur fuq uliedu u tista’ taħtar tutor biex taċċerta li l-ulied jibqgħu isegwu u jattendu l-iskola.

More in Qrati u Pulizija