Il-Forzi Armati ordnati jħallsu €178,500 f'kumpens lill-familja ta' suldat li kien miet waqt it-taħriġ

Il-gunner Matthew Psaila kien miet fi Frar tal-2009 waqt taħriġ f’Chadwick Lakes

Matthew Psaila
Matthew Psaila

Il-familja ta’ Matthew Psaila, il-gunner tal-Forzi Armati ta’ Malta li kien miet waqt it-taħriġ fi Frar tal-2009 ingħataw €178,500 f’kumpens wara li l-Qorti sabet lill-Forzi Armati responsabbli ta’ traskuraġni u nuqqas ta’ attenzjoni.

Psaila kien miet b’mod traġiku wara li sab ruħu f’diffikultà waqt taħriġ militari f’Chadwick Lakes. L-esperti tal-Qorti spjegaw, fost oħrajn, li s-suldat ma kienx jaf jgħum u li miet għax kien qed jogħdos f’mina taħt l-ilma f’temperaturi kiesħa mmens.

Fid-deċiżjoni ta’ 72 paġna, l-Imħallef Joanna Vella Cuschieri spjegat kif anke wħud mis-suldati li kienu jafu jgħumu kellhom jingħataw l-għajnuna minħabba l-piż tat-tagħmir u l-ilbies li kellhom fuqhom.

L-esperti rrapportaw ukoll diversi nuqqasijiet serji ta’ sigurtà. Spjegaw kif ir-rotta li kellhom jgħaddu minnha s-suldati ma kinitx ittestjata qabel, anke bit-tagħmir li kellhom jużaw is-suldati dakinhar tat-taħriġ.

Spjegaw kif lanqas ma kien hemm biżżejjed tagħmir ta’ salvataġġ, ħlief ħabel u xi tagħmir żgħir ieħor imma li kienu f’karozza n-naħa l-oħra ta’ fejn kien qed isir it-taħriġ.

Is-suldati lanqas ma ngħataw struzzjonijiet biex iżommu għajnejhom miftuħa għall-kollegi tagħhom, tant li s-suldati l-oħra ma ndunawx mill-ewwel li Psaila ma kienx magħhom.

Wieħed mill-uffiċjal saħansitra nnota kif Kmandant tal-Armata kien jgħidlu li s-saħħa u s-sigurtà ma kinux prijorità meta kien jissuġġerixxi biex titjieb is-sitwazzjoni.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef qalet li l-ebda somma flus ma kienet se tibdel jew tagħmel tajjeb għat-telfa ta’ iben. Madanakollu, meta ġiet biex tordna l-kumpens, ħadet inkonsiderazzjoni l-paga tas-suldat, l-età tiegħu u fatturi oħra.

More in Qrati u Pulizija