Bint il-mara ta' Darren Debono u eks impjegat ta' bank akkużati b'ħasil ta' flus u kuntrabandu

Mal-arrest tal-qariba ta' Darren Debono jiġu elevati €52,000 u flus relatati ma' ristoranti fil-Belt u Marsaxlokk, li qatt ma ġew depożitati biex ma jitqajmux suspetti mill-banek

It-tifla ta' mart Darren Debono u uffiċjal għoli ta' bank li qed jidher għal żewġ ristoranti li jservu l-aktar ħut u ikel tal-baħar, tressqu l-Qorti akkużati b'ħasil ta' flus u kuntrabandu taż-żejt. 

It-tfajla ta' 29 sena u eks Kap tal-Coporate Banking fil-BNF Bank, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi diversi li saru fil-konfront tagħhom. 

Mandati ta' arresti u tfittxijiet, ħarġu kontra dawn it-tnejn waqt operazzjoni estensiva tal-pulizija kontra l-kuntrabandu illi rriżultat fl-arresti ta' Darren Debono u Jeffrey Chetcuti, kif ukoll l-awditur Chris Baldacchino, fost oħrajn,  fuq akkużi ta' ħasil ta' flus,  

Jidher illi gruppi kriminali li mexxew din ix-xibka ta' ħasil ta' flus li tlaħħaq it-€30 miljun, kellhom rabta  mar-ristoranti in kwistjoni. 

Il-kumpaniji kollha kellhom l-istess indirizz fi-Swieqi u kellhom karatteristiċi partikolari, inkluż tranżazzjonijiet tal-bank, l-mod kif kienu joperaw kif ukoll awditur komuni.

Meta kien qed jixhed fil-proċeduri kriminali l-Ispettur James Turner ta dettalji dwar l-investigazzjoni dwar iż-żewġ ristoranti, Porticello fil-Belt Valletta u Capo Mulini f'Marsaxlokk. 

Dawn ir-ristoranti - spjega Turner - adottaw l-istess metodu ta' ħlas, bil-flus kontanti ma jkunux depożitati sabiex b'hekk il-banek ma jistaqsux mistoqsijiet. 

L-eks impjegat tal-Bankif Bank allegatament kien qed jassisti lill-klijent tiegħu sabiex jevita s-sistema ta' ħasil ta' flus tal-bank. 

Tfittxija fid-dar ta' bint il-mara ta' Darren Debono, waslet biex ġew elevati €52,000 fi flus kontanti, diversi oġġetti tad-ditta, għaxar arloġġi tal-idejn - inkluż Rolex - u flus relatati ma' bejgħ fir-ristoranti Porticello, Capo Mulini, Silver Horse u l-Onda Blu.

More in Qrati u Pulizija