Kien l-Isqof Teuma li għen lill-vittma biex jirrapporta liż-żewġ saċerdoti; 'Ma flaħtx nerfa' l-piż waħdi'

L-Isqof Anton Teuma kien wieħed mix-xhieda ewlenija fil-każi ta' Dun Ġużepp Sultana u Dun Ġużepp Cini akkużati b'abbuż fuq abbati

L-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma llum kien wieħed mix-xhieda ewlenija fil-każ ta' Dun Ġużepp Sultana li qed ikun akkużat b'abbuż sesswali fuq abbati u fil-każ ta' Dun Ġużepp Cini li qed ikun akkużat bi stupru fuq l-istess abbati.

L-allegat każi seħħew bejn l-2003 u l-2005 meta l-allegat vittma kellu bejn tmienja u disa' snin.

Tul ix-xhieda tiegħu, l-Isqof Anton Teuma spjega kif l-ewwel darba li l-allegat vittma semma l-abbuż miegħu, kien f'Settembru tal-2019.

Qal li dak iż-żmien ma kienx tah la ismijiet u lanqas dettalji.

Fil-fatt, spjega kif il-vittma kien imur għandu għal counselling, anke għax kellu problemi mal-ġenituri, mal-ħbieb u fuq il-post tax-xogħol. Skont l-Isqof Teuma, l-allegat vittma mar għandu 19-il darba.

L-Isqof Teuma xehed kif anke meta qallu min kienu ż-żewġ saċerdoti, il-vittma għall-bidu ma xtaqx li jirrapporta lill-Pulizija, minkejja li kien pprova jikkonvinċih jagħmel dan.

Qal li l-vittma qatt ma qallu d-dettalji kollha tal-allegat abbuż u kien ixxokkjat meta qara fil-midja d-dettalji ta' dak li allegatament għadda minnu.

L-Isqof Teuma qal li kien kuntent meta l-vittma fl-aħħar qabel li jieħu dan il-każ quddiem il-Pulizija.

"Ma flaħtx nerfa' waħdi dan il-piż," insista l-Isqof.

Fil-fatt, kien Teuma stess li għen lill-vittma biex imur quddiem il-Safeguarding Commission tal-Knisja f'Malta.

Andrew Azzopardi, li jmexxi din il-Kummissjoni interdjoċesana, kien imbagħad akkumpanja lill-vittma biex jagħmel rapport lill-Pulizija.

Dak ix-xahar stess li s-Safeguarding Commission bdiet tinvestiga l-każ, l-Isqof Teuma kien tkellem maż-żewġ saċerdoti biex jieqfu mill-ministeru pastorali tagħhom.

Aqra aktar dwar dak li seħħ illum fil-Qorti ta' Għawdex:

More in Qrati u Pulizija