Melvin Theuma se jkompli jixhed wara l-inċident li ħallieh jiġġieled għal ħajtu

George u Alfred Degiorgio jaqbdu jgħajtu u joffendu lill-Maġistrat, l-Avukat Ġenerali u lill-avukat tal-familja Caruana Galizia fi tmiem is-seduta

Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, jista' jkompli jixhed fil-każ tal-istess ġurnalista hekk kif inqraw il-konklużjonijiet ta' rapport psikjatriku fil-Qorti.  Dan wara li grupp ta' tliet psikjatri eżaminaw lil Theuma, wara attentat ta' suwiċidju fid-dar tiegħu fis-Swieqi, is-sajf li għadda. 

Id-difiża tal-aħwa George u Alfred Degiorgio, mmexxija minn Marc Sant, staqsiet jekk il-problemi psikoloġiċi ta' Theuma bdewx mal-assassinju jew qabel bid-Deputat Avukat Ġenerali joġġezzjona u jgħid li l-psikjatri kien mqabbda biex jaqdu dmirijiet speċifiċi. 

Theuma huwa xhieda kruċjali minħabba r-rekordings li kien ħa ta' diskursati li kellu ma' diversi persuni l-aktar, Yorgen Fenech - akkużat illi kien il-moħħ wara dan il-qtil.  Theuma kien xehed, fost oħrajn, illi Fenech qallu dwar flus li allegatament ħallas l-eks Ministru Chris Cardona għall-assassinju tal-ġurnalista.  

Aqra hawn ħarsa ddettaljata dwar Theuma u x-xhieda, xi minn daqqiet splussiva, li ta Theuma sa issa. 

Hekk kif il-Maġistrat bdiet ħierġa mill-Awla George Degiorgio u ħuh Alfred - akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia - bdew jgħajjtu u joffendu lill-istess Maġistrat u l-Avukat Ġenerali. “Kollha nkallati... ksirtu d-drittijiet fundamentali tagħna. Basta tmur fuq il-qabar ta’ Kristu int," bdew jgħajtu f'referenza lejn l-avukat li qed jidher għall-familja Caruana Galizia Jason Azzopardi.

More in Qrati u Pulizija