Jingannaw raġel vulnerabbli li mar jgħix magħhom u spiċċaw ħadulu €46,600

Il-koppja ngħatat sentenza effettiva ta' ħabs wara li għamlu snin jingannaw raġel vulnerabbli li mar jgħix magħhom

Koppja minn Wied il-Għajn ingħatat sentenza effettiva ta’ ħafna wara li l-Qorti sabithom ħatja li ħadu vantaġġ minn raġel vulnerabbli u b’ingann ħadulu aktar minn €46,600.

Il-mara ta’ 41 sena u r-raġel ta’ 34 sena, kienu akkużati u misjuba ħatja ta’ frodi u anke miżaproprijazzjoni.

L-akkużata ngħatat sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs filwaqt li s-sieħeb tagħha ingħatat sentenza ta’ tliet snin ħabs.

Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma kien mar jgħix mal-akkużat wara li ssepara minn ma’ martu fl-2004. Il-koppja kienet dipendenti fuq id-droga, bil-mara saħanistra kienet ġieli tipprostitwixxi lilha nnifsha biex ikollha l-flus biex tixtri d-droga.

Il-prosekuzzjoni spjegat kif meta għadda ż-żmien, ir-raġel beda jafda lill-koppja u eventwalment kera ħanut tal-pastizzi u ħallih f’idejhom. Hu kien jiffinanzja l-operat. Dan kollu sar bi ftehim verbali.

Mill-2006, ir-raġel beda jitlob lill-vittma somom kbar tal-flus mingħajr spjegazzjoni u kien jagħtihomlu. Aktar tard irriżulta li l-akkużat kien xtara mutur u żewġ karozzi b’dawn il-flus.

Il-koppja saħansitra kkonvinċew lill-vittma li kellhom bżonn LM4,500 biex jiffirmaw konvenju għal proprjetà f’Raħal Ġdid. Iżda dan ma kienx minnu.

B’kollox, dejjem b’ingann, il-koppja rnexxielha tieħu €46,600 mingħand ir-raġel. Kien jżommu huma l-ID Card tiegħu u anke l-karti tal-kreditu għax kienu jgħidulu li hu jitlifhom.

Il-vittma spjega kif qatt ma talab spjegazzjoni jew il-flus lura iżda wara insistenza minn qrabatu, kien għamel rapport lill-Pulizija.

Kompla jispjega kif hu ħass li ma kienx kapaċi jgħix waħdu u għalhekk għażel li jmur jgħix magħhom.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li l-akkużati kienu dipendenti fuq id-droga u li l-mara sfat vittma tal-prostituzzjoni, iżda saħqet ukoll li ma setgħetx tinjora l-fatt li l-koppja ħadet vantaġġ mill-vulnerabbilità tal-vittma.

More in Qrati u Pulizija