'Jekk tpoġġuni fl-istess ċella ma' Muka, noqtlu!' - Dragomanski lill-pulizija

Tkompli tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Victor Dragomanski - akkużat bil-qtil ta' Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski

Victor Dragomanski
Victor Dragomanski

Dalgħodu  - quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud  - kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Victor Dragomanski, akkużat bil-qtil ta' Christian Pandolfino ta' 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta' 30 sena.  Matulha l-Ispettur Saviour Baldacchino sostna illi wara li kien arrestat Dragomanski sostna li "ried illi jitpoġġa fl-istess ċella mal-Albaniż.  Huwa qal illi jekk jitpoġġa fl-istess ċella miegħu joqtlu għaliex kien hu li daħħlu f'dan l-inkwiet."

Dragomanski kien qed jirreferi għal Daniel Muka, l-ewwel persuna li kien arrestat b'rabta mal-omiċidju tal-koppja f'Tas-Sliema. 

L-avukat Joe Brincat staqsa jekk hux vera li Dragomanski kien irrabjat ħafna għal Muka, bl-Ispettur iwieġeb fl-affermattiv. 'Qal illi kien l-Albaniż li spara lejn l-irġiel?' staqsa Brincat, bl-Ispettur jgħid li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

Tabib fl-Emerġenza - Dr. Jonathan Joslin - ukoll xehed u qal illi minħabba il-mod kif kien mifrux id-demm u l-bullets, "wasalna għall-konklużjoni li din kienet sparatura.  Pandolfino ma kienx qed jieħu nifs u ma beda juri ebda sinjali ta' ħajja."

Dwar Maciejowski Joslin qal li l-istess sar mat-tieni vittma, li kien iddikjarat mejjet fuq il-post ukoll. 

Fi tmiem is-seduta l-Qorti ddeċidiet illi kien hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Dragomanski jitpoġġa taħt att ta' akkuża. 

Il-Każ issa se jkompli nhar l-10 ta' Novembru.  L-avukat Joe Brincat qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-avukat Joe Giglio qed jidher parte civile. 

L-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon mexxew il-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija