Muka : Il-moħħ tal-qtil doppju f'Tas-Sliema f'dik li l-Pulizija qalet li kellha tkun serqa

Il-Kummissarju tal-Pulizija jindirizza lill-midja dwar l-arrest tar-raġel Albaniż u r-rabta tiegħu mal-qtil ta' Pandolfino u Maciejowski

Daniel Muka - il-moħħ wara l-qtil ta' tnejn minn nies jgħid il-Kummissarju tal-Pulizija
Daniel Muka - il-moħħ wara l-qtil ta' tnejn minn nies jgħid il-Kummissarju tal-Pulizija

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet il-Kumnmissarju tal-Pulizija Angelo Gafa' qal illi malli nstabet il-karozza li ntużat fl-omiċidju f'Tas-Sliema l-ġimgħa l-oħra, s-suspettat Daniel Muka - li qal illi qed jitqies bħala l-moħħ fil-qtil doppju f'Tas-Sliema - waqaf jiffirma fl-għassa tal-Pulizija, xi ħaġa li kien jagħmel hekk kif dan inħareġ mill-Qorti, fuq libertà proviżorja. 

Gafa' spjega kif sa issa l-mottiv  - anke għax kien misruq deheb minn fuq il-vittma - huwa serq.  Fil-fatt il-Kummissarju jgħid li dawn l-irġiel kienu qed iġorru "ammont sostanzjali" ta' deheb, li iżda ma nstabx fil-proprjetà. It-tabib Christian Pandolfino deher f'bosta ritratti liebes ammont sostanzjali ta' ġiżirajjen tad-deheb.

Huwa spejga kif fl-operazzjoni tal-lum intużaw flashbangs magħmula biex jiddiżorjentaw lill-persuna u dawn la kienu tiri u lanqas kienu xi gass mitfugħ lejn il-proprjetà fil-Furjana. 

Il-Kummissarju spjega wkoll kif il-pulizija preżenti dalgħodu ħatfet arma minn idejn Muka.  Mistoqsi jekk dan ifissirx li dan ir-raġel offra reżistenza l-Kummissarju tal-Pulizija qal biss li meta daħlu l-pulizija ħadulu din l-arma. 

Gafa' qal illi l-investigazzjoni tinsab fi stadju "delikat ħafna" u għalhekk minkejja li l-Korp tal-Pulizija irid ikun kemm jista' trasparenti, għalissa l-informazzjoni li tista' tingħata hija ftit u b'kawtela, biex ma tfixkilx l-investigazzjoni.  

Kompla jgħid illi flimkien mar-raġel kien hemm ukoll żewġ persuni li kienu arrestati imma li ma kellhomx rabta mal-omiċidju, filwaqt li persuna waħda minn dawn qed tinżamm mill-pulizija fuq il-ħabi ta' persuna li wettqet reat 

Il-Kummissarju reġa' fakkar kif bħal lum ġimgħa fid dar ta' Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski,  it-tliet irġiel li wettqu l-omoċidju damu erba' minuti u ġew sparati sitt tiri ta' pistola ta' 9mm  - b'Ivor Maciejowski jkollu tir u erba' fuq Pandolfino.

Gafa' irringrazzja lill-Pulizija u x-xogħol ta' investigazzjoni intensiva li wettqet fl-aħħar sigħat  biex tkun tista' twettaq l-operazzjoni ta' dalgħodu fil-Furjana. 

More in Kronaka