Saċerdot akkużat li kellu relazzjoni sesswali ma' tfajla taħt l-età; Jinsisti li kien irrikattat

Ir-relazzjoni bejn it-tnejn kienet waħda kunsenswali bit-tfajla allegatament tirrapporta lill-qassis meta dan ried iwaqqaf ir-relazzjoni

Saċerdot tressaq il-Qorti llum akkużat li kkorrompa tfajla ta' 15-il sena u li kellu magħha relazzjoni ta' erba' snin. Madanakollu, hu qed jisħaq li ġie rrikattat.

Is-saċerdot, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

Illum it-tfajla li qed ikun akkużat li kellu x'jaqsam magħha, għandha 19-il sena.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil, spjegat kif il-Pulizja saret taf dwar dan il-każ riċentament wara li ġibdet l-attenzjoni l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Vulnerabbli. 

Skont it-tfajla, hija kienet f'relazzjoni sesswali kunsenswali mas-saċerdot u li din bdiet meta hi kellha 15-il sena.

L-Ispettur qal li t-tfajla ħadet sehem f'diversi attivitajiet sesswali mas-saċerdot iżda qatt ma kien hemm penetrazzjoni. 

Kompla jispjega kif peress li l-allegat każ beda ftit xhur qabel it-tfajla għalqet 16, anke jekk ir-relazzjoni kienet kunsenswali, is-saċerdot kellu jitressaq il-Qorti u jkun akkużat.

Madanakollu, l-Avukati Benjamin Valenzia u Stephen Tonna Lowell, li qed jidhru għas-saċerdot, saħqu li l-akkużat kien mhedded mit-tfajla li ma riditx li r-relazzjoni ta' bejniethom tieqaf.

Skont id-Difiża, hi riedet lis-saċerdot jiżżewwiġha u jkollhom it-tfal. Riditu ma jibqax qassis u heddidtu li jekk ma jagħmilx dan, kienet se tmur għand l-Arċisqof, il-Pulizija u anke kienet lesta tkellem lill-ġenituri anzjani tiegħu.

Il-prosekuzzjoni kkonfermat dan ukoll.

Il-Qorti aċċettat li ma jixxandrux l-ismijiet biex tkun protetta l-identità tal-vittma.

Is-saċerdot ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €1,000 u garanzija personali ta' €7,000.

More in Qrati u Pulizija