'Noqtolha! Jekk ma tkunx tiegħi, ma tkun ta’ ħadd' - Tixhed omm Chantelle Chetcuti

Chantelle Chetcuti kienet inqatlet fi Frar li għadda b'daqqiet ta' sikkina f'rasha; L-eks sieħeb tagħha jinsab akkużat bid-delitt

Chantelle Chetcuti (vittma) u Justin Borg (akkużat)
Chantelle Chetcuti (vittma) u Justin Borg (akkużat)

“Noqtolha! Jekk ma tkunx tiegħi, ma tkun ta’ ħadd.” Dawn kienu l-kelmiet li Justin Borg allegatament qal lil omm Chantelle Chetcuti jiem biss wara li din qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha f’Ħaż-Żabbar.

Dan xehditu l-istess omm hekk kif illum kompla l-każ kontra Borg li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Chetcuti li seħħ li Frar li għadda.

Miriam Chetcuti, omm il-vittma, qalet kif kienet ilha taf lill-akkużat minn meta kellu 13-il sena.

“Kien jiġi u joqgħod jilgħab ma’ ibni Kersten. Kien joqgħod jiġri wara binti u jgħidilha li xi darba se tkun it-tfajla tiegħu. Meta kellha 17, inqabdet tqila mingħandu. Kien ġie għandi ferħan għax irnexxielu jieħu t-tfajla li xtaqt,” xehdet l-omm.

L-omm kompliet tixhed kif Borg kien jhedded anke lilha.

“Darba minnhom qabadni minn spallti, heżżiżni u qalli: ħadd ma jista’ jmissni. Jiena naf lill-Pulizija kollha,” kompliet tirrakkonta.

L-omm spjegat kif meta bintha u Borg kien se jkollhom it-tieni tarbija, meta kellha seba’ xhur tqala, kien sawwatha.

Xehdet kif dwar dan il-każ kien sar rapport u kien hemm każ għaddej quddiem il-Qorti. “Kien qalli li jekk il-każ ikompli, qatt ma kont se nerġa’ nara lin-neputi. Chantelle ġiet tibki u qaltli: isma’ minnu għax jasal,” kompliet tixhed.

Ix-xhieda xokkanti ma waqfitx hawn. Chetcuti qalet li Chantelle kienet qaltilha li darba, l-istess Borg, kien taha daqqa ta’ ponn f’dahra u għamlet lejl sħiħ mal-art.

L-omm kompliet tgħid lill-Qorti kif tlett ijiem qabel il-qtil, Borg sar aktar insistenti minn qabel.

“Binti kienet imwerwra minnu. Dejjem kien ikun wara l-bieb. Kien jheddidha li jekk ma terġax tmur id-dar miegħu, kien se joqtolha. Quddiemi qal hekk,” kompliet tixhed l-omm.

'Qatt ma aċċetta li ma baqgħux flimkien'

Xehed ukoll Kersten Chetcuti, ħu l-vittma.

“Borg spiiċċa ma’ oħti għax hu kien baqa’ jinsisti, jwaddbilha l-ġebel mat-tieqa tal-kamra u jiġri warajha. Hi ma riditx tkun miegħu. Kien dejjem iġibilha r-rigali u jibki. Eventwalment ħarġet miegħu,” saħaq.

Huwa qal li darba minnhom żgassa l-bieb ta’ Borg u sabu ddrogat bil-pirmli u b’sikkina. Spjega li kien ħadu għand tabib u miegħu marret ukoll Chantelle.

Insista li Borg qatt ma aċċetta li r-relazzjoni tagħhom spiċċat. Spjega kif baqa’ jċemplilha u kien jiġri warajha kull fejn tmur.

“Dakinhar tal-qtil, ċempilli u qalli: taf li min żiedet fuq Facebook? Jiena għidtlu: Justin ma jinterresanix,” kompla jixhed ħu l-vittma.

Il-każ ikompli fil-11 ta’ Settembru.

More in Qrati u Pulizija