Suppost kien qed jinżamm taħt arrest fil-ħabs u għamel xahar jiġri barra; Tinduna biss il-Maġistrat

Jason Azzopardi talab li tinfetaħ inkjesta pubblika urġenti u sejjaħ lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri biex jerfa' r-responsabbilità

Raġel li suppost kien qed jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin għamel aktar minn xahar jiġri barra u dan mingħajr ħadd ma jaf kif l-istess raġel, akkużat bi vjolenza domestika, inħeles mill-arrest minkejja li l-Qorti ċaħdet din it-talba għal aktar minn darba.

Indunat b'dan il-Maġistrat Doreen Clarke li llum innutat lir-raġel dieħel fl-awla tal-Qorti mhux eskortat mill-uffiċjali tal-ħabs. Il-Maġistrat minnufih ordnat li dan ikun arrestat.

Meta l-Maġistrat talbet spjegazzjoni, għax ħadd ma kellu idea ta' x'ġara, l-Avukat tal-akkużat, Charles Mercieca, qal li r-raġel inħeles mill-ħabs f'Lulju.

Il-Maġistrat Clarke ordnat li ssir spjegazzjoni formali mill-awtoritajiet dwar dan il-każ, filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi talab li tinfetaħ inkjesta pubblika urġenti u sejjaħ lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri biex jerfa' r-responsabbilità

Ir-raġel tressaq il-Qorti f'Mejju akkużat li hedded lil martu u li kiser ordni ta' protezzjoni. Għal aktar minn darba, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest għal dan ir-raġel.

More in Qrati u Pulizija