Theuma ma jafx għalfejn ingħata impjieg mal-Gvern li ma jmurx għalih imma jitħallas xorta

Tkompli tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Melvin Theuma ma' Keith Schembri
Melvin Theuma ma' Keith Schembri

Illum fil-Qorti, fejn kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma - is-sensar fl-istess qtil - qal illi hu ma kienx jaf għalfejn ingħata impjieg mal-Gvern li għalih ma kellux għalfejn jattendi. Jixhed kif irringrazzja l'Alla li kien se jaqla' xi flus żejda imma jisħaq illi ma jafx għalfejn ingħata dan l-impjieg. "Yorgen kien qalli: mhux aħjar paga żejda? Good luck’"

Theuma qal illi meta waqfulu l-ħlas, ċertu Tony Muscat kien kellmu u qallu li jrid jibda jmur għax-xogħol inkella ma jibqax jitħallas. Jgħid illi kien kellem lil Yorgen Fenech dwar dan.

Sa issa nafu li Theuma kien saħansitra ddawwar Kastilja mill-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri qabel ingħata dan l-impjieg mal-Gvern.

'Qatt m'għidtilhom li bagħtni Yorgen Fenech'

Fil-Qorti Melvin Theuma spjega kif kien ikkuntattja lil Darren Debono biex iġib in-numru ta' Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Hekk kif beda jirrispondi Theuma qal li hu qatt ma kien qal lill-aħwa Degiorgio li l-ordni kienet ġejja minn Yorgen Fenech, bl-avukat tad-Difiża William Cuschieri jistaqsi dwar il-ħlas għall-qtil, diskuss fil-Busy Bee, l-Imsida. 

Theuma jgħid li kien jaf lil Degiorgio minn negozju tal-logħob u xi kultant kienu jilgħabu l-istess logħob, fil-fatt. 

"Imma naħlef li jiena qatt u qatt m'għidt li kont mibgħut minn Fenech. 

'Allura Degiorgio qatt ma staqsiek min bagħtek?' jistaqsi Cuschieri. 

Theuma jfakkar illi hu l-klijent u li hu kien qed jinnegozja miegħu, ma kellhomx jissemmew persuni terzi.

'Kien qed jagħmilli ħafna pressjoni'

Theuma jerġa jsemmi l-laqgħa li kellu barra stabbiliment tal-ikel fil-lukanda Hilton fejn Fenech kien allegatament qallu li jrid joqtol lil  Caruana Galizia minħabba li kienet se toħroġ storja dwar zijuh. Theuma iżda qal li beda jħoss li Fenech ried joqtolha għar-raġunijiet tiegħu u mhux minħabba zijuh.

"Kien qed jagħmilli ħafna pressjoni, jibbumbardjani b'telefonati dwar il-qtil u jgħid illi l-blogger kienet se toħroġ informazzjoni," xehed Theuma. Jiċħad kategorikament iżda illi qatt sar diskors dwar qtil fil-preżenza ta' Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu - it-tielet persuna  akkużata bil-qtil.

Niftħu parantesi u nfakkru illi Fenech kien ukoll sid il-kumpanija fid-Dubaj, 17 Black, li  wara mewt Caruana Galizia kienet żvelata bħala target client ta' Hearnville u Tillgate, kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament.

'Għalija Yorgen huwa l-mandant, għax ... '

Theuma jinsisti li għalih Yorgen Fenech "ta' Tumas" huwa l-mandant, "għax hu tani €150,000"

Mistoqsi jekk jeskludi li kien hemm mandant ieħor, Theuma jerġa jirrepeti: "Għalija huwa Yorgen"

 

 

More in Qrati u Pulizija