Konrad Mizzi ma jippreżentax ir-rapport dwar il-VGH minkejja l-ordni tal-Qorti

L-Imħallef ordna li dan ir-rapport jiġi ppreżentat lill-Qorti fis-smigħ skedat għal Jannar

L-eks Ministru Konrad Mizzi naqas milli jippreżenta fil-Qorti kopja tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

It-Tnejn, il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale ordnat lill-Ministru biex jippreżenta dan ir-rapport u dan għax hu kkwota ħafna minnu fix-xhieda tiegħu.

F’Novembru, Konrad Mizzi saħaq li l-Gvern żamm mar-rakkomandazzjonijiet tal-bord ta’ evalwazzjoni qabel ma daħal fil-ftehim mal-VGH.

Mistoqsi għaliex ma ppreżentax ir-rapport, l-Avukat Chris Falzon Scerri, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal lill-Qorti li la l-Prim Ministru u lanqas l-Avukat Ġenerali ma għandhom dan ir-rapport.

Saħaq li dan jinsab għand Projects Malta.

“Il-Gvern huwa wieħed. Jekk l-eżekuttiv ma jistax isib kopja, jekk il-PM ma għandux kopja, dan hu nuqqas,” insista l-Avukat ta’ Delia.

Il-Qorti ordnat li rappreżentant ta’ Projects Malta jintalab jixhed u jippreżenta dan ir-rapport li semma l-eks Ministru.

Is-smigħ li jmiss se jsir nhar is-27 ta’ Jannar.

Dan il-każ infetaħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u qed jisħaq li l-istparijiet għandhom jiġu mogħtija lura lill-poplu u li l-ftehim, li issa jinsab f’idejn Steward Healthcare, ikun iddikjarat null.

More in Qrati u Pulizija