Jixhed kif il-ġar ta' 87 sena poġġielu arma ma' rasu u pprova joqtlu wara argument fuq parkeġġ

L-allegat vittma qal li rnexxielu jitbaxxa fil-ħin biex it-tir ma laqtux

Raġel mix-Xewkija rrakkonta fil-Qorti kif il-ġar tiegħu, li għandu 87 sena, poġġielu arma tan-nar ma’ rasu u spara u dan minħabba argument fuq parkeġġ.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel irnexxielu jitbaxxa fil-ħin biex bi żbrixx, evita t-tir.

Dan il-każ seħħ fis-7 ta’ Ottubru li għadda, bl-anzjan jiċħad l-akkużi li pprova joqtol lill-ġar tiegħu.

Apparti l-attentat ta’ umiċidju, l-anzjan qed ikun akkużat ukoll li weġġa’ ħafif lill-vittma u li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja.

Fil-Qorti, l-allegat vittma rrakkonta kif kienet ommu li ċemplitlu biex iressaq il-karozza wara li semgħet lill-anzjan jgħajjat quddiem id-dar u anke jkisser waħda mit-twieqi tal-vettura.

Il-vittma rrapporta dan il-każ lill-Pulizija, bl-anzjan jintalab imur l-għassa fejn quddiemha, kompla l-argument bejn iż-żewġt irġiel.

Kompla jixhed kif il-Pulizija staqsew lill-anzjan jekk kienx se jħallas għall-ħsara direttament iżda hu qalilhom biex itellgħuh il-Qorti u telaq mill-għassa.

Madanakollu, skont il-vittma, huwa informa lill-Pulizija li ma xtaqtx jipproċedi bil-każ għax kellu relazzjoni tajba mal-anzjan u l-familja tiefgħu.

“Tlaqt mill-għassa u mort biex inressaq il-karozza għax kienet se tagħmel ix-xita. Meta wasalt hemm, hu kien quddiem ir-residenza tiegħu u qalli: ‘Ejja ħa tara kif se nilħqu ftehim.’ Jiena ħsibt li kien se jitlob apoloġija għax kien kalm ħafna. Mexa lejn id-dar, fetaħ il-bieb u ħareġ arma. Jiena kont warajh. Dort u poġġa l-arma ma’ rasi,” irrakkonta l-vittma.

Kompla jirrakkonta kif minkejja dan, huwa żamm kalm iżda eżatt kif tbaxxa l-anzjan spara.

“Ipprovajt neħodlu l-arma minn idu. Spiċċajna mal-art fuq xulxin iżda rnexxieli. Tajtu daqqa f’geddumu bl-arma biex iqum minn fuqi. Irnexxieli għax hu spiċċa mitluf minn sensih,” kompla jixhed.

Jidher li sadanittant, il-ġirien semgħu t-tiri u ħarġu jiġru fit-triq u sabuh bl-arma f’idu. Xehed kif pprova jispjegalhom li mhux hu kien li spara.

L-anzjan talab il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet it-talba bil-patt li jħallas depożitu ta’ €8,000u jipprovdi garanzija ta’ €12,000. 

More in Qrati u Pulizija