Jinżamm arrestat raġel li allegatament 'itterrorizza' l-eks sieħba tiegħu

Il-Qorti ippreseduta mill-maġistrat Yana Micallef Stafrace, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Raġel Eġizzjan ta' 49 sena residenti f'Ħal Balzan baqa' miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b'theddid fuq l-eks sieħba tiegħu. 

Ir-raġel ġie mixli bi 'stalking', li pproduċa evidenza falza, li uża vjolenza morali fil-konfront tal-vittma u l-familja tagħha u li hedded lill-mara bl-użu ta’ tgħammir elettroniku..

Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika u li kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Qorti tal-Familja.

L-Ispettur tal-Pulizija Elton Taliana spjega fil-Qorti li r-raġel ma ġiex arrestat b’kapriċċ iżda wara serje ta’ rapporti li skontu xehdu t-tattiċi perikolużi tal-akkużat.

“Kull fejn kienu jmorru kienu jsibu l-akkużat, saħansitra anke meta marru f’Lukanda. Apparti minn dan ir-raġel kien regolarment jibgħat theddid lil-mara inkluż theddid fuq ħajjitha,” sostna l-Ispettur.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest.

Minn naħa tagħha, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-fatt li huwa kiser ordni ta' protezzjoni.

Madanakollu, l-avukat tal-akkużat Victor Bugeja argumenta li r-raġel kien ta’ min jafdah u li kien hemm raġunijiet oħra wara r-rapporti fil-konfront tiegħu. 

“L-akkużat ilu hawn Malta għal aktar minn 20 sena u m'hemmx biża li jaħrab. L-allegat vittma mhux tħallih jara lit-tifel tiegħu. Il-koppja għandha storja twila ta’ problemi fuq l-aċċess għat-tifel,” spjega l-avukat.

Fuq l-akkuża li r-raġel segwa l-passi tal-mara fil-lukanda, Bugeja sostna li din kienet sempliċiment koinċidenza. “Ir-raġel għandu dritt imur kull fejn irid imur.”

Minn naħa tagħha, l-avukat tal-vittma, Lara Dimitrijevic li dehret bħala parte civile għall-mara qalet li ma kienx minnu li l-imputat kien qed jiġi mċaħħad mill-aċċess għat-tifel tiegħu. “Kienu l-Qrati li llimitaw dan l-aċċess.”

Finalment, il-Qorti, ippreseduta mill-maġistrat Yana Micallef Stafrace, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija