Japoloġizza u jinstab ħati li hedded lil Metsola ... 'bħal Daphne se tispiċċa' kien qal

Il-Maġistrat Joe Mifsud ifakkar illi minkejja l-libertà tal-espressjoni, ħadd m'għandu jħossu mhedded

Roberta Metsola, MEP tal-Partit Nazzjonalista
Roberta Metsola, MEP tal-Partit Nazzjonalista

Raġel li kien hedded lill-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola apoloġizza u qal li qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li jweġġa' lil xi ħadd. 

Ir-raġel in kwistjoni kien ħalla messaġġ fuq Facebook illi fih qal li Metsola aħjar toqgħod attenta għax tispiċċa bħal Daphne Caruana Galizia. 

L-akkużat, minn dakinhar kien waqqaf il-paġna tiegħu fuq Facebook u apoloġizza, filwaqt li ammetta l-ħtija miġjuba kontrieh.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal illi filwaqt li kulħadd għandu dritt jesprimi lilu nnifsu, "ħadd m'għandu jħossu mhedded u ħadd m'għandu dritt jinstiga l-impressjoni li xi ħadd għandu jinqatel."

"Daphne Caruana Galizia ma missa qatt spiċċat kif spiċċat. Tħalliet ferita f'pajjiżna" sostna Mifsud. 

Il-Qorti ħarġet ordni ta' protezzjoni kontra l-akkużat, li ngħata l-libertà proviżorja għal tliet snin. 

L-Ispettur Joseph Scerri mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li Angele Formosa mexxiet id-difiża. 

More in Qrati u Pulizija