'Se naslu fi stat fejn il-missier ma jistax jgħannaq lil bintu jew jibża' jagħti banju lill-uliedu'
Il-Maġistrat Joe Mifsud jgħaddi kummenti qawwija ftit qabel illibera missier Għawdxi minn abbuż fuq bintu
minn John Busuttil

Raġel ta' 52 sena li joqgħod Marsalforn ġie lliberat minn akkuża li ħdax-il sena ilu kkorrompa lil bintu, li dak iż-żmien kellha 15-il sena. Il-Qorti qalet li ma tistax tistrieħ fuq dak li qalu l-vittma, ommha u l-Ispettur li investiga l-każ. Fil-fatt, il-Maġistrat Joe Mifsud mhux talli llibera lil missier minn kull akkuża, iżda qal li martu kellha aġenda moħbija wara dawn il-proċeduri.
L-akkużi bdew mill-2005 fejn ir-raġel ġie mixli b'dawn l-akkużi wara rapport li sar minn bintu stess fl-2010. Hija kienet allegat li l-korruzzjoni seħħet fi tliet okkażjonijiet. It-tifla ma tatx id-dati ta’ dawn l-allegati inċidenti, iżda tgħid li seħħew waqt li kienet qed tistudja għall-O-Levels.
Hija qalet li l-ewwel inċident kien meta darba kellha l-influwenza u missierha qalilha biex jagħmlilha l-Vicks. Qalet li missierha qabad il-Vicks u għorkilha għonqha u sidirha. Dan ġara fil-kamra tas-sodda fejn hija u oħtha kienu jorqdu.
It-tieni inċident seħħ meta t-tifla kellha xi ħafas ma’ daharha u ma’ żaqqha. Dwar din l-okkazzjoni l-minuri qalet li kienet ommha stess li infurmat lil missierha li hija kellha l-ħafas. Skontha, missierha mar biex jara dawn il-ħafas u qalilha biex tgħolli l-flokk. Qalet li hija għolliet il-flokk sa taħt sidirha, u allegat li missierha messilha saqajha.
Dwar it-tielet inċident, il-minuri qalet li darba minnhom, waqt li kien qed jinħasel, missierha kien talabha ġġiblu qalziet ta’ taħt. Qalet li sakemm kienet qed tagħlaq il-kexxun, daħal fuqha imma ma kellux xugaman. Tgħid ukoll li missierha kien jara l-pornografija fuq it-televiżjoni u meta kien ikun bix-xugaman kienet tarah jaqbad il-parti tiegħu waqt li jibqa’ bix-xugaman.
Il-Qorti tirrimarka li huwa għajb għas-soċjetà u għall-familji, meta jitħawdu l-elementi ta’ żina (rikjesti għall-akkuża ta’ korruzzjoni ta’ minorenni) ma’ dawk ta’ mħabba u rispett ta’ ġenitur fil-konfront tat-tfal tiegħu, li nkwetat li t-tfal tiegħu huma morda u jagħmlilhom dak li għandhom bżonn u jieħu ħsiebhom, għaliex inkella se naslu fi stat ridikolu.
Inkunu wasalna fi stat fejn il-missier ma jistax jgħannaq lil bintu, fejn il-missier jibża' jagħti banju lit-tfal tiegħu ta’ ftit snin ma jmurx jiġi akkuzat b’korruzzjoni tal-minuri u ma jistax lanqas biss jikkunsidra li jirrikorri biex jiehu hsieb bintu meta din tkun ghadha żgħira u tkun ma’ tiflahx.
Dan ikun għajb ikbar għas-soċjetà in ġenerali u għall-ġustizzja, speċjalment tenut kont tal-fatt li qed isiru sforzi kbar biex il-ġenituri jkollhom sehem indaqs fit-trobbija ta’ wliedhom fejn anke daħal il-kunċett ta’ parental leave li jista’ jittieħed mill-missier.
Il-Qorti tikkondividi l-ħsieb tal-Qorti diversament preseduta f’każ ta’ rapport li sar mill-mara u t-tfal fil-konfront tar-raġel, fejn illiberat lill-imputat mill-akkużi kollha li bihom kien rinfaċċjat u kkummentat ukoll li mart l-imputat kellha aġenda moħbija wara dawn il-proċeduri kriminali. Il-Qorti qalet is-segwenti:
“Il-Qorti nnotat li din il-kawża damet għaddejja kważi ħames snin għal raġuni jew oħra u rat li bejn il-partijiet hemm mibegħda kbira li sfortunatament qed twassal lill-kwerelanti tħejji rapporti fil-konfront ta’ żewgha li m’humiex fondati. Sfortunatament il-vittmi f’dan il-każ huma wlied l-istess kwerelanti u l-imputat li jkollhom jixhdu fi proċeduri kriminali fil-konfront ta’ missierhom fuq talba t’ommhom. Illi dan kollu ma jawgurax tajjeb u bla dubju qed jikkreja trawma fl-ulied li għad iridu jgħixu ħajjithom ukoll. Il-Qorti tissoleċita lill-pulizija eżekuttiva biex titratta ma’ dan il-każ b’aktar serjeta’ u tagħmel indaġini aktar profonda qabel ma tistitwixxi proċeduri oħra.
Dwar l-akkużi li l-imputat saq il-vettura tiegħu b’mod traskurat, perikoluż u negliġenti w b’veloċita’ eċċessiva, l-Qorti tagħmel referenza għax-xhieda li verament hi skarsa u ttenni li dawn l-akkużi lanqas ma ġew ippruvati. Il-Qorti tħoss li verament il-kwerelanti għandha aġenda moħbija ‘l għala għaddiet lil żewġha f’dan il-każ kriminali. Il-Qorti hija konvinta li l-imputat mhux xi bniedem kalm jew aħjar simpatiku, u dan anke mill-manjiera kif xehed, pero’ tħoss li l-kwerelanti Maryrose Pisani mhix xhud attendibbli u li rnexxielha tikkonvinċi lill-uliedha biex jixhdu bil-mod kif xehdu. Meta kienet fil-pedana tax-xhieda kienet wisq prepotenti u riedet tgħid iktar milli fil-fatt kienet preparata li tgħid, billi żżejjen diskorsha. Uliedha min-naħa l-oħra kellhom jiġu meghjjuna mill-pulizija biex jixhdu, a kuntrarju ta’ ommhom. Il-Qorti nnotat ukoll, minn qari tat- traskrizzjonijiet, li l-konjuġi xejn m’huma ġentili ma’ xulxin u ħlief jinsulentaw lil xulxin ma jagħmlux!”

