Tfajla ta’ 24 sena mir-Repubblika Ċeka kienet ikkundannata tmien snin ħabs u mmultata €20,000 wara li ammettiet li importat 900 gramma kokaina f’Malta billi daħħlitha fil-parti ġenitali u l-istonku tagħha.
Lucie Azuka, ammettiet flok għaddiet ġuri li fit-13 ta’ Lulju 2014, hija kienet ħatja ta’ pussess, assoċjazzjoni u traffikar tal-kokaina meta daħħlet 73 kapsola ta’ droga wara li kienet għadha kemm tasal Malta fuq titjira tar-Ryanair minn Madrid. Dakinhar, hija kienet imwaqqfa minn uffiċjali tad-Dwana u minn tfittxija li saret fuq it-tfajla nstabu droga fi ħwejjiġha, ġol-istonku tagħha u anke f’kondom fil-parti ġenitali.
Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn wara li tteħditilha X-ray, tneħħewlha l-kapsoli li kellha fl-istonku. B’kollox instabu fuqha 73 kapsola li kien fihom 901 gramma kokaina b’purità ta’ 45% b’valur ta’ €57,513.
Waqt l-interrogazzjoni tagħha, t-tfajla kienet ammettiet ukoll li kien hemm żewġ okkażjonijiet oħra fejn daħħlet id-droga kokaina mingħajr ma qabduha.