Dan l-artiklu kien aġġornat il-Ġimgħa, 3 ta' Jannar, fis-2:13pm, b'kummenti tal-Partit Laburista.
Il-Kummissarju tal-Film, Johann Grech, ċaħad b’mod kategoriku allegazzjonijiet li l-filmat kontroversjali ta’ Ridley Scott illi ħareġ fuq il-midja soċjali tiegħu kien “editjat biex jiġi mmanipulat il-messaġġ.”
Jindirizza l-kontroversja wara l-festi, Grech insista b’stqarrija fuq il-Facebook tiegħu li “fatti jibqgħu fatti,” filwaqt li ddeskriva dak li ntqal fuqu bħala "fake news."
Jumejn qabel il-Milied, il-paġna uffiċjali ta’ Gladiator, tefgħet filmat ta’ intervista li d-direttur tal-istess film, Ridley Scott, kellu mad-direttur kollega Christopher Nolan. F’dan il-filmat Scott jgħid li minħabba li ġie Malta kemm il-darba, ma jikkunsidrax li jerġà jirritorna bħala turist. Madankollu, huwa faħħar l-arkitetura tal-pajjiż, billi qal li hija wkoll ideali għax-xogħol li huwa jagħmel.
Intant, il-midja lokali qabdet biċċiet mit-tali filmat, u qalet li Scott wissa’ lin-nies biex ma jiġux btala Malta. Għal dan Scott, wieġeb ftit jiem wara.
Għaldaqstant, sit lokali akkuża wkoll lil Johann Grech illi huwa tefgħa il-filmati ta’ Scott, b’montaġġ differenti, “li jimmanipula l-messaġġ.”
Skont Grech, fil-post li ppubblika fit-23 ta' Diċembru 2024, huwa uża l-istess filmat li ġie ppubblikat fuq il-paġna uffiċjali tal-film Gladiator. Huwa spjega li l-unika bidla li għamel kienet li neħħa r-referenza għall-Marokk, li huwa kompetitur dirett ta' Malta fil-qasam tal-produzzjoni ta' films.
"Bħala Kummissarju tal-Films ta' pajjiżi, l-interess ewlieni tiegħi huwa li nħajjar l-investiment barrani fil-films jiġi lejn Malta, u nippromovi l-industrija tal-films ta' pajjiżna li tant inħobb," qal Grech.
Biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu, Grech ippubblika ż-żewġ posts flimkien - dak li ġie editjat u dak oriġinali - bil-għan li, skont hu, "il-fatti jibqgħu fatti, u l-opinjoni tkun ibbażata fuq il-verità."
Mumenti wara, Grech ippubblika wkoll stqarrija sħiħa mingħand Ridley Scott, fejn id-direttur elaborá fuq il-kliem tiegħu li waqt l-intervista.
Fl-ittra Scott insista li ma kellu l-ebda intenzjoni biex joffendi lil Malta jew lill-Maltin, u spjega li l-kumment tiegħu dwar btali f’Malta kienu tentattiv ta' umoriżmu li ma nftiehemx kif suppost.
"Dejjem ħarist lejn Malta bħala ġojjell fil-Mediterran, kif jidher mill-erba' films li għamilt (White Squall, Gladiator, Napoleon, u Gladiator II) matul kważi tliet diċenji.”
Scott temm l-istqarrija ifaħħar lill-Kummissjoni tal-Films ta' Malta u lil Johann Grech personali bħala “sieħeb importanti fl-industrija tal-films.”
AQRA WKOLL: Gladiator II jiddomina l-lista tal-aqwa 10 films f’Malta għall-2024, KRS Releasing tiżvela
Il-PL jgħid li PN fil-Gvern ikisser l-investiment barrani fl-industrija tal-films
B’reazzjoni għal dan kollu, il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista wera “kif meta jara lil xi ħadd imqdar lil Malta, jogħxa jrewwaħ u jkeskes lin-nies, iżda meta jitfaħħar pajjiżna, donnu jaqa’ fil-muta.”
Fi stqarrija, il-PL akkuża lil PN li prova jimmanipula d-diskors u jdawru kontra Malta, iżda meta d-direttur Ridley Scott xejjen dak li ntqal l-Oppożizzjoni “waqgħet f’muta.”
“Il-PN infexx jattakka lill-Gvern u lill-Kummissjoni tal-Films, aġir li juri s-sens ta’ inferjorità u immaturità li bihom il-Kap tal-Oppożizzjoni iħares lejn pajjiżna,” kompliet tgħid l-istqarrija.
Il-partit qal li bl-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, u tax-Shadow Minister, Julie Zahra, “ikkonfermaw kif ma jinteressahomx mill-investiment barrani” li jġibu magħhom il-produzzjonijiet internazzjonali tal-films. Dan filwaqt li allega li PN fil-Gvern “ikisser l-iskema tal-cash rebate, bil-konsegwenza li jżarma l-industrija tal-films.”
L-istqarrija tmur pass oltre, u twissi li attakki bħal dawn joħolqu riskju għall-investiment barrani. Dan gaħliex din it-tip ta’ attitudni, skont il-PL, tikxef politika ta’ inferjorità u tmexxija immatura mill-PN, speċjalment fil-konfront tal-investituri.
“Din il-mentalità hija l-istess waħda li, kull meta l-PN ġie fdat bit-tmexxija ta’ pajjiżna, ġab lil Malta f’awsterità u riċessjoni.”
Il-PL qal li l-PN jibqa’ partit negattiv li lest jagħmel minn kollox biex ikisser ir-reputazzjoni ta’ Malta.
“Fil-qasam tal-films, Gvern Laburista kompla jinvesti biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fid-dinja tal-films, industrija li tiġġenera miljuni ta’ ewro fl-ekonomija u opportunitajiet ta’ xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin. Il-lealtà lejn pajjiżna trid tkun dejjem u kullimkien, mhux skont x’jaqbel dak il-ħin.”