Parlament bi qbil li jiddiskuti l-inkjesta ta’ Sofia b’mod immedjat wara l-pubblikazzjoni

Iż-żewġ naħat tal-kamra qablu li għandhom jiddiskutu l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fuq il-mewt ta' Jean Paul Sofia 

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu fuq diskussjoni parlamentari dwar l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’Jean Paul Sofia immedjatament wara li tiġi ppubblikata.

Fil-bidu tas-seduta Parlamentari tat-Tnejn filgħaxija, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonthan Attard qal, “Għandna l-ħsieb li jsir dibattitu... biex nittrataw dan is-suġġett importanti,” filwaqt li afferma li l-Gvern se jkun qed jippubblika l-inkjesta malli tkun fid-dispożizzjoni tiegħu.
Il-Ministru spjega li skont it-termini ta’ referenza, bi qbil mal-familja Sofia, se tingħadda kopja lill-Prim Ministru nhar l-Erbgħa u aktar tard fl-istess jum lill-familja ta’ Jean Paul Sofia. Barra minn hekk il-Ministru Attard qal ukoll li se jkun hemm diskussjoni oħra fil-Parlament b’rabta ma’ dan is-suġġett sena oħra biex issir analiżi tal-progress li sar.
Intant, il-Kap tal-Oppżizzjoni Bernard Grech sostna li r-rapport għandu jkun ippubblikat immedjatament hekk dan ikun ppreżentat lill-Prim Ministru u li minnufih isir ukoll dibattitu parlamentari dwar dan ir-rapport.

Jean Paul Sofia ta’ 20 sena miet fit-3 ta’ Diċembru 2022 meta waqa’ bini li kien għadu qed jinbena fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.

Ħames persuni – il-perit tal-proġett, żewġ żviluppaturi u żewġ kuntratturi – ġew akkużati f’Lulju 2023 b’omiċidju involontarju, falsifikazzjoni u negliġenza. Il-kawżi kontrihom għadhom għaddejjin.

Il-ġenituri ta’ Sofia kienu talbu li ssir inkjesta pubblika biex jiġi stabbilit jekk il-mewt ta’ binhom kinitx ukoll ir-riżultat ta’ nuqqasijiet mill-Istat li jirregola l-industrija tal-kostruzzjoni kif suppost.

Il-Prim Ministru kien irrifjuta t-talba u l-grupp parlamentari tal-Partit Laburista kien saħansitra vvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni fil-parlament biex titwaqqaf inkjesta pubblika.

Abela eventwalment biddel fehemtu ftit tal-jiem wara eżatt qabel ma ssejħet protesta kbira barra l-Berġa ta’ Kastilja.

L-inkjesta pubblika kellha l-kompitu li tinvestiga diversi aspetti, fosthom kif l-art pubblika fejn kien hemm il-bini mġarraf ġiet trasferita lill-iżviluppaturi; jekk l-Istat kienx daħħal fis-seħħ liġijiet biex jirregola s-saħħa u s-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni u jekk dawn ġewx infurzati b'mod effettiv; u jekk xi entità tal-Istat inkarigata li tinforza u tirregola s-settur tal-kostruzzjoni naqsetx mid-dmirijiet tagħha.

More in Politika