Jean Paul Sofia jittella' mejjet minn taħt il-ġebel... ħamsa oħra l-Isptar, tlieta fil-periklu tal-mewt

Jinstab mejjet is-sitt vittma tal-kollass ta' bini f'Raħal Ġdid... il-ħamsa l-oħra l-isptar, bi tlieta jiġġieldu għal ħajjithom

Jean Paul Sofia
Jean Paul Sofia

Il-ġisem mejjet ta' Jean Paul Sofia ta' 20 sena mis-Swatar ittella' kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-2:00 a.m wara operazzjoni delikata li damet għaddejja sigħat twal. Sofia huwa vittma ta' inċident kbir fuq sit ta' kostruzzjoni li ra bini jaqa' u sitt persuni jispiċċaw taħt il-ġebel. Il-ħames persuni l-oħrajn - tliet Albaniżi, Malti u ieħor mill-Bożnija, nħarġu minn taħt it-tifrik u ttieħdu l-Isptar Mater Dei. Tlieta mill-ħaddiema ġew iċċertifikati bi ġrieħi serji, ieħor bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-ġrieħi tal-ħames persuna għadhom mhux magħrufa.

It-tfittxija għal Sofia damet madwar 16-il siegħa b'kollox, u dan minħabba li Membri tal-Protezzjoni Ċivili kellhom ineħħu ġebla, ġebla u jkunu attenti ferm għall-instabiliità tal-parti tal-binja li ma kinitx ikkrollat. 

Ilbieraħ filgħodu kien iddominat mill-aħbar li binja li kienet qed tinbena kkrollat b'sitt ħaddiema jispiċċaw taħt il-ġebel u t-terrapien, fil-qasam industrijali ta' Kordin - Raħal Ġdid. L-inċident seħħ fl-10:00 a.m u fuq il-post, mill-ewwel marru, il-pulizija u mebri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Xena minn dak li kien għad fadal wara li waqa' l-bini
Xena minn dak li kien għad fadal wara li waqa' l-bini
Is-sit tal-inċident
Is-sit tal-inċident

 

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse Ann Farrugia, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

 

More in Kronaka