Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburist u eks-Prim Ministru Alfred Sant stqarr li kull min kien involute l-iskandlu tal-benefiċċji għandu jitressaq il-Qorti.
“Jiena naqbael ma dawk li qed jgħid li mhux biss dawk li bbenifikaw, iżda anke dawk li mexxew u organizzaw għandhom jitressqu, huma min huma,” qal Sant fuq pubblikazzjoni fuq il-midja soċjali.
Hu jingħaqad ma’ bosta nies u għaqdiet, fosthom Repubblika, li huma ta’ din il-fehma. Filwaqt li l-Gvern ħatar bord sabiex jinvestiga dwar kif sar dan l-abbuż u x'emendi għandhom isiru sabiex dan ma jerġax iseħħ, ħadd mill-imħuħ wara l-iskandlu ma tressaq il-Qorti.
Dan wara li sar pubbliku rapport li implika lill-eks Deputat Parlamentari Silvio Grixti f’skema ta’ frodi li assistiet numru ta’ individwi jibbenifikaw minn skema li ma kienux intitolati għaliha. Din kienet tammonta għal medja ta’ €450 kull xahar.
Huwa allegat li Grixti provda lil dawn l-individwi b’dokumenti mediċi ffalsifikati, li bihom setgħu japplikaw għal benefiċċji li suppost igawdu minnhom dawk li għandhom diżabbiltajiet serji, li dawn ma kellhomx.
Sant żied li dawn it-tip t’abbużi dejjem kienu realtà li jrid jaffaċċja kull Gvern.
“Dawn it-tip t’abużi ilhom isiru għal numru ta’ snin, kemm minn uffiċċjali kif ukoll minn oħrajn li baqgħu siekta fuq dak li kien għaddej, u ħallew applikazzjonijiet dubjużi jgħaddu mingħajr ma ġew ivverifikati, taħt diversi Gvernijiet.”
“Minkejja dan, meta dan isir b’mod organizzat, isir abbuż kriminali li ma jistax ikun tollerat.”