Jinħatar Bord sabiex jeżamina l-allegat abbuż fl-iskemi tad-diżabbiltà

Dan se jkun immexxi mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, u għandu jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu f'ħames xhur

Il-Gvern ħatar Bord indipendenti, kompost minn tliet persuni, sabiex isir assessjar fuq l-allegat abbuż mill-iskema ta’ diżabbiltà severa, li għandu jipprovdi rakkomandazzjonijiet fuq kif dan il-proċess jista’ jitjieb.

F’stqarrija maħruġa s-Sibt 9 ta’ Settember, il-Gvern stqarr li għalkemm hemm fis-seħħ sistemi robusti kontra l-abbuż fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ħass il-bżonn li l-proċess tal-evalwazzjoni jiġi msaħħaħ.

Il-Bord, maħtur mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musu’, se jkun immexxi mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, u jinkludi wkoll lil Anthony Scicluna u Raymond Muscat.

L-eks Membru Parlamentari Laburist Silvio Grixti riċentament kien implikat f’numru ta’ każijiet fuq medda ta’ snin, li jirregwardaw l-akkwiżizzjoni bi frodi ta’ benefiċċji marbuta mad-diżabbiltà, lil mijiet t’individwi li ma kienux entitolati għalihom verament.

Allegatament, Grixti provda dokumenti mediċi foloz lil nies, spiss residenti f’irħula fejn il-Partit Laburista għandu vantaġġ bħal Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Raħal Ġdid, sabiex jgħinhom jiġu approvati għal benefiċċji minħabba diżabbiltajiet severi li fil-verità ma kellhomx.

Dawn il-benefiċċji jammontaw għal medja ta €450 fix-xahar, mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali saħaq li dan l-iskandlu ħadu bis-serjeta u li 141 każ kien sospiż, filwaqt li €2.1 miljun qiegħdin fil-proċess li jiġu rkuprati.

Il-funzjoni tal-Bord se jkun li jestabilixxi kif  l-applikazzjonijiet ta’ nies mhux eliġibbli ġew aċċettati, jekk tul il-proċess kienx hemm nuqqasijiet amministrattivi, jekk is-sistemi u l-proċeduri tas-sottomissjonijiet, evalwazzjonijiet u verifikazzjonijiet tal-applikazzjonijiet attwali humiex biżżejjed sabiex tipprevjenu l-abbuż, kif ukoll rakkomandazzjonijiet fuq x’miżuri għandhom jittieħdu sabiex jissaħħu l-proċeduri ta’ skrutinju tal-applikanti

Il-Gvern temm billi spjega li l-Bord se jkun mitlub jippreżenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Ministeru tal-Politika Soċjali, u lis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru. Dan għandu jsir f’ħames xhur mill-istabbiliment tiegħu, iżda jista’ jkun il-każ li jitlob estenzjoni.

Il-Gvern wiegħed ukoll li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord se jkunu ppubblikati.

More in Politika