‘Inżammu fuq il-baħar minħabba s-saħħa pubblika u mhux raġunijiet politiċi’ – Robert Abela

Il-Ministru Byron Camilleri itenni waqt ix-xhieda li l-immigranti ngħataw dak kollu meħtieġ: mediċina, ikel u ilma, fost oħrajn

Illum xehdu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri fil-kawża kostituzzjonali, li nfetħet minn 32 immigrant fuq ksur ta’ drittijiet fundamentali, meta kienu maqbuda fuq bastiment ta’ Captain Morgan fl-2020.

Abela insista, illi l-fatt li l-immigranti nżammu fuq l-ibħra qatt ma kienet minħabba raġunijiet poltiċi iżda minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Fil-fatt qal illi din qatt ma reġgħet irrepetiet ruħha. “Pajjiżna kien ipparalizzat minħabba l-Covid-19, iżda huma nżammu fl-aħjar kundizzjonijiet li setgħu jingħatawlhom.” Minkejja dan l-avukat Cedric Mifsud irribatta bix-xhieda ta’ Charmaine Gauci, li f’xhieda preċedenti kienet qalet illi ma ġietx ikkonsultata dwar dan. Għal dan Abela spjega li filwaqt li s-Supretendent tas-Saħħa normalment toħroġ id-direttivi, “li nsibu soluzzjoni kienet problema tagħna.” Dan filwaqt li fakkar li kien hu stess li mar il-Libja biex jiddiskuti l-kwistjoni iżda dak iż-żmien, “ma kellniex il-faċilitajiet li nilqgħu immigranti.”

Abela sostna li l-immigranti nżammu fuq il-bastimenti bħala miżura temporanja sakemm tinstab alternattiva oħra. Qal ukoll li Malta u Lampeduża kienu qed jaffaċċaw piż sproporzjonat minħabba d-daqs tal-pajjiżi hekk kif iċ-ċentri ta’ detenzjoni kienu mimlija u li bħala parti mill-Unjoni Ewropea, l-immigrazzjoni għandha tiġi indirizzata minn kull membru stat.

Abela xehed illi huwa ma kienx involut fil-koordinazzjoni tal-bastimenti iżda bħala Prim Ministru kien qiegħed jiġi aġġorant b’mod kontinwu. Qal illi l-Gvern kien obbligat li jsalva lil kull persuna li seta’. “Dak iż-żmien, il-pajjiż kien fi stat ta’ emerġenza u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika iddikkjarat emerġenza nazzjonali. L-ajruport u l-port kienu magħluqa u ħadd ma seta’ jivjaġġa. Ma njorajniex id-dmir tagħna li nsalvaw il-ħajja, fl-ebda mument,” qal fix-xhieda tiegħu Abela.

Meta mistoqsi fuq id-deċiżjoni li jintużaw bastimenti privati, Abela wieġeb li kien involut biss hekk kif din kienet deċiżjoni tal-Gvern.

Issa kien imiss biex jitla’ fuq il-pedana tax-xhud il-Ministru Byron Camilleri, li bħal Abela qal illi ċ-ċentri kienu kollha mimlija. Hawn ġie interrott u mistoqsi minn l-avukat Mifsud li staqsa jekk il-lukandi kinux mimlija ukoll. Spjega li l-immigranti ngħataw minn kollox; ikel, xorb, mediċina, sigaretti u anke użu ta’ mobile. “Provdejnilhom dawn l-affarjiet kollha iżda bħall-bqija tas-soċjetà kellhom jistennew sakemm igawdu minn libertà kompluta.”

Minkejja dan, l-Imħallef staqsa lil Camilleri jekk kinx infurmat bl-ilmenti ta’ nuqqas ta’ spazju, kwalità tal-ikel u nuqqas ta’ kura medika. Il-Ministru tenna li l-Gvern provda dak kollu li seta’, inkluż tobba u infermiera li kienu qed jassistu fuq il-bastimenti. Saħansitra qal li dawk morda kienu trasferiti fl-Isptar.

Camilleri wieġeb ukoll li kull persuna fuq il-bastiment applikat għall-ażil. “Waqt li kienu fuq il-baħar għamilna diversi affarjiet biex nipproteġu d-drittijiet tagħhom. Meta ġew Malta ngħataw id-dritt biex legalment imorru l-Ġermanja.”

Min-naħa l-oħra Camilleri qal illi ma kinx involut fl-għażla tal-bastimenti. “Kull min jafni, jaf sew li jien ma ninterferixxix f’dawn it-tip ta’ proċessi.”

Ir-refuġjati applikaw għall-ażil wara li żbarkaw f’pajjiżna

Illum kien imiss li tixhed ukoll Dott Roberta Buhagiar, dak iż-żmien il-Kummissarju għar-Refuġjati responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proċeduri tal-ażil f’Malta. Buhagiar qalet illi hi ma kinitx involuta fid-deċiżjonijiet u li l-Kummissarju ma’ jinterferixxix fid-deċiżjonijiet relatati ma’ salvataġġ.” Meta mistoqsija dwar l-involviment tal-Uffiċċju hija qalet li ma rċeviet ebda informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Gvern jew mill-Ministeru dwar l-applikazzjonijet ta’ dawn il-persuni biex jiġu proċessati. Kien wara li żbarkaw li dawn għamlu l-applikazzjoni.

Minkejja dan, żiedet illi hi kienet informat lill-awtoritajiet li jekk ir-refuġjati xtaqu li jitolbu għall-ażil, setgħu jagħmlu dan jekk kienu f’territorji Maltin. Spjegat ukoll li l-ażil setgħu japplikaw għalih minħabba l-fatt illi l-bastimenti kellhom l-bandiera Maltija u kienu qed jaħdmu bl-istruzzjonijiet tal-Gvern Malti. “Kont irċevejt telefonata minn Clyde Caruana, dak iż-żmien Chief of Staff, li staqsieni biex niltaqa' mal-Prim Ministru. Dan kien qabel ma applikaw għall-ażil.”

Apparti xi xhieda oħra, tkellem ukoll il-Brigadier Clinton O’Neil, li dakinhar kien kmandant tal-Operazzjonijet fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM). Qal illi l-AFM kważi ma kellha ebda involviment. “Ittrasportat biss xi membri tar-Red Cross fuq id-dgħajjes f’temp ikrah.” Iċċara li għalkemm kienu jċemplu ta’ spiss lill-AFM, il-bastimenti kienu taħt tmexxija privata.

X’ġara fl-2020?

Il-każ imur lura għall-2020, meta numru ta’ persuni minn diversi pajjiżi fosthom Sierra Leon, mill-Kosta tal-Ivorju, min-Niġerja, mil-Liberja u mill-Bangladesh nżammu fuq erba’ bastimenti tal-Captain Morgan Cruises Ltd għal ġimgħat sħaħ, ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin, wara li ħarbu mil-Libja.  

Infakkru li dak iż-żmien, kemm Malta kif ukoll l-Italja kienet għalqet il-porti tagħha għal salvataġġi ta’ immigranti minħabba t-tifqiha tal-Covid-19, meta l-pandemija kienet fl-eqqel tagħha. Dakinhar il-Gvern kien qal illi s-salvataġġ kien impossibbli minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u projbixxa vapuri ta’ salvataġġ milli jidħlu fil-port. Il-Gvern baqa’ jżomm sod sakemm tinstab soluzzjoni Ewropea.

Kollox inbidel meta’ f’Ġunju ta’ dik l-istess sena madwar 425 immigrant tħalla jinżel minn fuq il-vapuri, b’reazzjoni għal protesti li kienu qed isiru fuq il-vapuri stess minħabba t-tensjoni u biża’ ta’ dawn l-immigranti.

Tliet snin ilu dan is-sit kien infurmat illi filwaqt li l-protesti kienu ilhom jiem għaddejin, dakinhar li ngħatat l-ordni biex dawn jiddaħħlu fil-bajja tal-Ħofriet f’Delimara, is-sitwazzjoni tant kienet eskalat illi sorsi qalulna li l-immigranti ħadu kontroll ta’ partijiet mill-bastiment, inkluż il-kċina. L-ebda ħaddiema ma nżammu ostaġġi.

Dakinhar Abela kien ammetta li d-deċiżjoni li jidaħħlu ma kinitx faċli iżda kella ssir hekk kif l-immigranti “bdew jheddu li jisplodu tank tal-gass.” Huwa qal li qalbu safja li ħa d-deċiżjoni t-tajba u ma seta’ qatt ipoġġi l-ħajiet tal-ekwipaġġ f’periklu. Ddan apparti li fakkar li dawn l-immigranti kienu ilhom 40 jum fuq dgħajsa relattivament żgħira, “anke fuq xi cruise lussuż tiddejjaq. Aħseb u ara!”

Minkejja dan, kien għalhekk li fl-2021, l-immigranti fuq il-basitimenti fetħu l-kawża kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern u l-Avukat tal-Istat, minħabba ksur ta’ drittijiet fundamentali.

Intant l-immigranti huma mgħejjuna mill-avukat tad-drittijiet tal-bniedem u direttur tal-Fondazzjoni Aditus Neil Falzon flimkien mal-assistent direttur ta’ Aditus Carla Cailleri u l-avukati Mireille Boffa, Cedric Mifsud u Katrine Camilleri, id-direttur tal-JRS.

Il-każ se jkompli jinstema’ nhar id-9 ta’ Novembru, 2023

More in Politika