Sidien ta' tliet kumpaniji rrabjati li tħallew barra minn xogħol mogħti lill-Captain Morgan

Tliet kumpaniji ta' dgħajjes tat-turisti jilmentaw mal-ILLUM li għax xi raġuni li ma jafux tħallew barra u ma ntalbux jagħtu quotations għal xogħol li sa issa ħadet il-Captain Morgan

Erba' minn sitt kumpaniji tad-dgħajjes li lkoll jgħidu li għandhom opri tal-baħar tajbin daqs jekk mhux aħjar mill-Captain Morgan qed jilmentaw li huma tħallew kompletament barra mill-proċess tal-għażla illi permezz tiegħu ġew magħżula dgħajjes biex isalpaw 'il barra u jżommu l-immigranti fuqhom.  Dan hekk kif tiqliel il-kwistjoni ta' min se jieħu immigranti li jispiċċaw fil-Mediterran, b'Malta - l-ewwel art - tagħlaq il-portijiet tagħha. 

Dan minkejja li sorsi qrib il-Gvern qalu lill-gazzetta illi għall-ewwel dgħajsa l-Gvern ma ħariġx xi forma ta' sejħa minħabba dak li ddeskrivew bħala "urġenza" biex tinbagħat dgħajsa u għalhekk intagħżlet il-Captain Morgan li hija proprjetà tal-familja Zammit Tabona, sid ukoll tal-lukanda Fortina.  Fit-tieni każ iżda kien hemm sejħa għal kwotazzjonijiet mingħand żewġ kumpaniji: Il-Captain Morgan mill-ġdid u Supreme Cruises li hija proprjetà ta' Żaren Abela. 

L-ILLUM tinsab infurmata illi Zammit Tabona rebaħ dan ix-xogħol u offra li jagħmlu bi €3,000 kuljum u għal kemm id-dgħajjes idumu fuq il-baħar. Minn naħa l-oħra Abela għamel offerta oriġinali ta' €10,000 u wara aċċetta li jagħmel dann ix-xogħol għal €7,000. 

Għal xi raġuni - il-Kumapanija Sea Adventure, il-Luzzu Cruises u l-Hornblower ma ġewx ikkonsultati u mitlubin iressqu 'l quddiem il-quotations tagħhom, minkejja li fi kliemhom huma għandhom opri tal-baħar li huma l-istess jew aħjar minn dawk magħżulin. 

Jonathan Grech mis-Sea Adventure qal hu ma kienx ikkonsultat dwarha din.  "Le aħna ma konniex mitlubin nagħtu quotations ... ma nafx għalfejn.  Ma' Captain Morgan biss hux! " sostna Grech illi qal illi d-dgħajsa tiegħu hija l-aħjar waħda bħala ċertifikazjonijiet li hawn fil-pajjiż. "Imma le ma staqsewna xejn."

L-istess Kevin Grech mill-Hornblower li qal illi hu fl-ebda ħin ma ġie kkonsultat mill-Gvern u li hu għandu l-istess tip ta' dgħajsa bħal dawk tal-Captain Morgan u għandu aħjar ukoll. "Ma pretendejt xejn jiena, imqar jitolbuna quotation u ma nirbħu xejn, ma jimpurtax.  Imma għallinqas titlobni!" 

L-istess Kelliem għal-Luzzu Cruises, mal-ILLUM jikkonferma li fl-ebda ħin ħadd ma offrielu jagħti quotes għal din il-biċċa xogħol. 

Intant Abela, mis-Supreme Cruises, ikkonferma li hu kien mitlub quotation għat-tieni dgħajsa, mhux għall-ewwel u li l-prezz tiegħu kien ogħla minn dak ta' min rebaħ din il-biċċa xogħol. 

Il-Gvern Malti qed jibgħat dawn id-dgħajjes b'ħaddiema fuqhom f'dak li jista' jitqies bħala żvilupp partikolari fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni hekk kif il-Gvern qed jgħid li qed jaċċerta s-saħħa u s-sigurtà tal-immigranti imma ma jippermettix li dawn jidħlu fil-portijiet tagħna. Din il-pożizzjoni qed tattira l-kritika ta' bosta għaqdiet umanitarji imma wkoll taż bosta lokalment. 

More in Politika