'L-unika ġustizzja li tista’ ssir ma' Edwin huwa li nitgħallmu u li naraw li l-verità toħroġ dejjem'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jsellem il-memorja ta' zijuh Edwin Grech fil-Parlament

"Wara n-nuqqas ta' ġustizzja hemm umani u familji li jibqgħu imweġġa' u li qed jipprovaw jagħmlu minn kollox biex issir ġustizzja. L-uniku ġustizzja li tista' ssir maz-ziju Edwin huwa li nitgħallmu mit-traġedji nazzjonali biex fil-ħidma tagħna naraw li l-ġusizzja ssir u li min - f'dan il-każ - wettaq reat krudli jwieġeb għal għemilu u jmur quddiem il-ġustizzja. Għax il-ġustizzja hija l-istess għal kulħadd." Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f'messaġġ mill-aktar emottiv u b'saħħtu waqt li sellem il-memorja tal-eks Deputat Laburista u professur Edwin Grech. 

Grech miet fl-età ta' 94 sena mingħajr qatt ma sab ġustizzja u sar jaf min qatel lil bintu 45 sena ilu, Karin Grech. 

Bernard Grech, emozzjonat, iddeskriva lil Edwin bħala l-eroj tiegħu għaliex kien ta' ispirazzjoni għalih biex jistudja u jaħdem għall-aspirazzjonijiet tiegħu, minkejja li kien ġej minn familja ta' ħaddiema. Huwa qal li zijuh, maħbub minn ħafna nies, iddistingwa ruħu b'eċċellenza f'dak kollu li għamel u li żgur li l-aktar mument li immarkalu ħajtu kien meta inqatlet bintu Karin. 

Iz-ziju qatt ma rkupra mill-mewt għax kien iħoss li kien tort tiegħu li nqatlet għax għamel dak il-ġest nobbli. It-tort mhux tiegħu imma tal-kodardi u kriminali li ddeċidew mod ieħor. Huwa għamel 45 sena ifitex għall-ġsutizzja u daħal fil-politika għax emmen li seta' jiskopri l-veirtà. Baqa' ħajtu kollha dispjaċut u ħassu tradut li qatt ma sab min qatel lil bintu. Bernard Grech

Saħaq li dak iż-żmien kellu biss sit snin u ftit li xejn kien jafha, fil-fatt kien iltaqa' magħha għall-ewwel darba tliet ijiem qabel il-mewt tagħha fil-Milied. Qal li dak iż-żmien kienet tmur skola l-Ingilterra u kienet irritornat lura Malta għall-vaganzi. Kompla jgħid li meta inqatlet, "kien mument fejn ħafna minna tilfu fiduċja fil-politika u konna ħassejna traduti mill-istat." 

Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li lil Karin ma jistgħux iġibuha lura iżda biex bħala politiċi jieħdu tagħlima. Qal li huwa l-obbligu tal-politiċi li dejjem jiġru wara l-verità u li għalhekk jappella biex il-mewt ta' kuġintu ma tkunx ta' xejn għax dak huwa l-uniku mod ta' kif il-Parlament jista' jsellimlu. 

More in Politika