Imut missier Karin Grech u l-eks Deputat Laburista, Edwin Grech

Huwa miet mingħajr qatt ma sar jaf min qatel lil bintu u mingħajr ġustizzja

Edwin Grech
Edwin Grech

Ftit mumenti ilu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħabbar illi miet Edwin Grech, fl-età ta' 94 sena. Edwin Grech kien iz-ziju tal-Kap tal-Oppożizzjoni u missier Karin Grech, li nqatlet permezz ta' ittra bomba ftit aktar minn 45 sena ilu. 

Grech sostna illi Edwin kien bniedem li għamel biss ġid "u pattewulu bl-agħar deni li seta' jkun, il-qtil tal-għażiża bintu Karin - id-dawl t'għajnejh." 

Karin Grech inqatlet permezz ta' ittra bomba li propjament kienet immirata li toqtol lil missierha t-Tabib u eks-Deputat Laburista Edwin Grech. Dan hekk kif fl-1977 Grech xorta mar għax-xogħol minkejja strajk li kien qed isir hekk kif it-tobba kienu qed jirreġistraw nuqqas serju ta' qbil ma' Gvern Laburista. Grech kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Obstetrija u Ginekoloġija fl-Isptar San Luqa. Fl-istess hin li ntbagħtet ittra bomba lil Edwin Grech, intbagħtet ukoll lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana iżda din l-ittra bomba ma ħaditx.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal illi Grech kien persuna ta' ispirazzjoni għalih u li se jibqa' r-role model tiegħu. 

Intant il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja tiegħu u qal illi dak li għamel Grech għal pajjiżna ma jintesa' qatt. "Huwa kien persuna li ta kollox għal pajjiżu u għall-pazjenti i tant kellu għal qalbu. Għamel sagrifiċċji kbar u għax ġab lil ħaddieħor qablu spiċċa ħallas bil-qtil ta' bintu Karin," qal Abela. 

Aqra aktar: 45 sena. 10 leġiżlaturi. Seba' Prim Ministri... U tibqa' ma ssirx ġustizzja ma' Karin Grech

More in Politika