45 sena. 10 leġiżlaturi. Seba' Prim Ministri... U tibqa' ma ssirx ġustizzja ma' Karin Grech

Karin Grech inqatlet permezz ta' ittra bomba li kienet immirata li toqtol lil missierha, it-tabib u l-eks-Deputat Laburista Edwin Grech 

Minkejja li għadew 45 sena minn dak il-jum traġiku li fisser destin ikrah għal Karin Grech u l-familja tagħha, dawk ħatja bil-qtil tagħha għadhom ma tressqux quddiem il-ġustizzja, dan minkejja snin ta' wegħdi minkejja li għaddew 10 leġiżlaturi u Malta kellha seba' Prim Ministri. 

Grech kienet inqatlet permezz ta' ittra bomba li propjament kienet immirata li toqtol lil missierha t-Tabib u eks-Deputat Laburista Edwin Grech. Dan hekk kif fl-1977 Grech xorta mar għax-xogħol minkejja strajk li kien qed isir hekk kif it-tobba kienu qed jirreġistraw nuqqas serju ta' qbil ma' Gvern Laburista. Grech kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Obstetrija u Ginekoloġija fl-Isptar San Luqa. Fl-istess hin li ntbagħtet ittra bomba lil Edwin Grech, intbagħtet ukoll lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana iżda din l-ittra bomba ma ħaditx.

Qabel l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien iddeskriva dan il-qtil bħala 'att terroristiku'. Minkejja li l-każ għadu ma ssolviex, missier Grech sostna li huwa għandu informazzjoni li l-apparat splussiv kien ippjanat minn studenti universitarji tal-mediċina li allegatament qabdu nies kriminali biex jagħmlu din il-bomba.

'Iż-żmien ma jfejjaqx u ma jnessix' 

Intant il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fakkret il-memorja tagħha u tgħid li ġrajjiet koroh bħal ta' Grech juru kemm "il-ġustizzja u t-tfittxija għall-verità qatt ma jistgħu jiġu posposti jew imtawwla. Iż-żmien ma jfejjaqx u ma jnessix." 

Intant il-Prim Ministru Robert Abela qal li lil Karin Grech "ma ninsewha qatt." Dan filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech appella lill-Pulizija biex minkejja li għadda ż-żmien, jagħmlu dak kollu possibbli biex isolvu dan id-delitt u oħrajn. "Xi mkien hemm xi ħadd jew xi wħud li jafu xi ħaġa. Ma tistgħux tistrieħu qabel ma sserħu familja u nazzjon jew qabel ma sservu l-ġustizzja." 

Min-naħa tiegħu l-ADPD - The Green Party sostna li "sfortunatament il-każ ta’ Karin Grech qatt ma xpruna eżami tal-kuxjenza għal pajjiżna. Il-partiġġjaniżmu u l-intolleranza, minsuġa flimkien, wasslu għal każijiet oħra bħal ta’ Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia. Aħna lkoll fid-dmir li nwasslu messaġġ ċar li l-vjolenza m’hija qatt aċċettabbli huma min huma l-vittmi."

More in Politika