VGH: 'Il-PM ma offra ebda soluzzjoni illejla. Is-soluzzjoni jista' jagħtiha biss il-PN'

Id-Deputati tal-Oppożizzjoni jitilqu mill-Parlament u ma jivvotawx għall-mozzjoni li ressqu 

Ritratt : MediaToday
Ritratt : MediaToday

Id-deputati tal-Oppożizzjoni illejla ħarġu lkoll mill-Kamra tar-Rappreżentanti u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamel l-indirizz tiegħu fil-folla quddiem il-Parlament. Huwa qal illi illejla, dak li kellu jkun dibattitu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, "inbidel f'daħqa f'wiċċ il-poplu Malti u Għawdxi u li l-Prim Ministru ma offra beda soluzzjoni." 

Grech qal illi l-Ispeaker tal-Parlament Anglu Farrugia u n-naħa tal-Gvern "serqu" lill-Kap tal-Oppożizzjoni l-opportunità li jagħmel id-diskors tiegħu u li "wara ħafna snin dan il-pajjiż reġa' għandu Parlament maħtuf. Illejla naqsu li jippreżentaw l-emenda tagħhom għall-mozzjoni tagħna, fil-ħin li suppost kellu allokat għalihom." 

Għaldaqastant Grech sostna illi l-Ispeaker minflok għazel li jipproteġi lil poplu u jimxi mar-regoli tal-Kamra qal illi ghazel illi jiddefendi lil "dawk li ftehmu mal-frodisti u mal-kriminali." 

Grech qal illi l-Prim Ministru Robert Abela jinsab dahru mal-ħajt u li fid-diskors tiegħu fil-Parlament qad jiddefenti lill-Vitals u lil Steward minflok lill-poplu Malti u Għawdxi.  "X'ħerqa għandu l-Prim Ministru li jibqa' jiddefendi lill-korrotti u lill-frawdolenti? Għamlilna elenku ta' kemm għamlu affarjiet il-Vitals u Steward. Għaliex Steward ma ippreżentatx dawn l-affarjiet fil-Qorti?" staqsa Grech. 

Żied jgħid illi l-Gvern Laburista ilhom 10 snin "jixxaħħnu minn flusna." Apparti minn hekk huwa għamel referenza għal dak li qal il-Prim Ministru Abela fid-diskors tiegħu u li fih qal illi Daphne Caruana Galizia, li nqatlet fl-2017, kellha raġun meta qalet lid-Deputat Adrian Delia kien giddieb. 

"Kellu l-ardir li jsemmi lil Caruana Galizia meta illum jaħbat il-65 xahar minn meta qatluha biex jagħlqulha ħalqha. Ma jixraqlux jgħid  isimha," qal Grech. Kompla jgħid illi l-Oppożizzjoni tatu opportunità fuq platt tad-deheb biex jiftaħ kawża u li huma kienu se jagħtuh is-sostenn. 

Staqsa wkoll fejn huwa l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg. 

Huwa temm id-diskors tiegħu billi saħaq li fid-diskors tal-Prim Ministru ma ta l-ebda soluzzjoni dwar x'se jiġri issa u qal illi "dik is-soluzzjoni jista' jagħtiha biss il-PN. Il-ġlieda tagħna ma tiqafx hawn." Dan filwaqt illi ħeġġeġ biex in-nies joħorġu hemm barra u jsemmgħu leħinhom u jipprotestaw. 

More in Politika