'Ma appellajniex għax il-Qorti qatt ma qalet li l-Gvern kellu aġir frawdolenti'

Il-Prim Ministru Abela qal illi se jkun qiegħed jitlob lill-Awditur Ġenerali 'biex jagħmel analiżi tal-ħlasijiet u servizzi li ngħataw biex fejn hemm x'jirkupra l-Gvern - jekk ikun hemm - ikun jista' jagħmel dan'

"Ma appellajniex is-sentenza għaliex il-Qorti qatt ma qalet li l-Gvern kellu aġir frawdolenti." Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela fid-dibattitu dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni, li kkundannat il-konċessjoni ta' Steward Health Care Malta. Abela qal illi "kuntrarjament ta' dak li qalet l-Oppożizzjoni fl-aħħar 20 jum, is-sentenza qatt ma qalet li l-Gvern kellu aġir frawdolenti." 

"L-Awditur Ġenerali qal illi l-għotja missa saret b'mod differenti. Lura fis-snin ma kontx preżenenti u hemm nappoloġizza. Ngħid ukoll li minn dak l-episodju, tgħallimna," kompla jgħid il-Prim Ministru. 

Intant aktar kmieni l-plenarja tal-Parlament ġiet sospiża minħabba dibattu mill-aktar skjaċċanti u mimli tensjoni bejn il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Dan ġara hekk kif Abela akkuża lil Delia li huwa “giddieb mal-Qorti.”

“Qalu illi Daphne Caruana Galizia kellha raġun. U veru, għax kellha raġun sitt snin ilu meta qaltlek giddieb mal-Qorti, ma’ niesek, mal-midja u mal-poplu. Illum sitt snin wara qed terġa’ tkun giddieb mal-Qorti,”qal Abela.

Dan qajjem furur kbir min-naħa l-oħra tal-Kamra tant illi Delia talab point of order biex Abela jissostanzja l-akkużi tiegħu. Bejn il-battibekki mid-deputati taż-żewġ naħat, Abela qal illi l-ikbar forma tal-ġidba li wieħed jista’ jagħmel mal-Qorti, hija meta xi ħadd jgħid kontra dak li qalet il-Qorti.

Delia ċaħad dawn l-akkużi u irribatta “jien naf naqra aktar minnu. Il-kawża irbaħtha.” Abela insista li l-Qorti qatt ma qalet li “l-Gvern kien frawdolenti, kuntrarjament għal dak li qal Delia fl-aħħar 20 jum. Mhux veru, din hija n-nuqqas ta' verità sħiħa li ilkom tippruvaw issammru fuqha." 

Intant huwa saħaq li mhux se jċedi "pulzier li huwa pulzier" lil Steward Health Care, dan filwaqt li wiegħed illi jekk il-Gvern ħallas ċenteżmu u Steward ma jagħtihx lura, il-Gvern se jkun qiegħed iġibu lura. 

Huwa għamel referenza għall-fatt illi l-Gvern baqa' jħallas lil Steward minkejja li l-kawża kienet infetħet fil-konfront ta' Steward. Għal dan huwa żied jgħid li "allaħares waqt li għaddejja kawża taqbad u tittermina dik il-konċċesjoni." Qal ukoll li filwaqt li l-investiment min-naħa ta' Steward sar u s-servizz ingħata, xorta mhux kuntent bit-telqa tal-isptar ta' St Lukes. 

Abela qal ukoll li se jkun qiegħed jitlob lill-Awditur Ġenerali "biex jagħmel analiżi tal-ħlasijiet u servizzi li ngħataw biex fejn hemm x'jirkupra l-Gvern - jekk ikun hemm - ikun jista' jagħmel dan." 

Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat.

More in Politika