'Illum hemm min qed jifhem aħjar għaliex ħadt ċerti deċiżjonijiet' - Abela jalludi għat-tkeċċija ta' Konrad Mizzi mill-PL

Il-PM Robert Abela jgħid illi l-Gvern qed jitlob li jiqsar iż-żmien li fih Steward tista' tiftaħ l-Appell għas-Sentenza u wara jitla' l-Qorti Superjuri biex il-kawża tinstema' b'urġenza

Meta llejla kien qed jieħu sehem fid-dibattitu Parlamentari dwar is-Sentenza tal-Qorti fuq il-kuntratt mal-VGH/Steward Healthcare l-Prim Ministru Robert Abela sostna li kemm ilu Prim Ministru hu, mhux biss ma sarux ftehimiet jew tibdiliet fil-ftehimiet ma' Steward, talli l-Gvern talab l-arretrati tat-taxxa li l-kumpanija kellha tħallas u li issa qed idur fuq il-Qorti biex l-Appell ta' Steward, jinfetaħ u jinstema' fi żmien iqsar milli normalment stipulat u b'urġenza.

"Illum hemm min qed jifhem aħjar għaliex ħadt ċerta deiżjonijiet flimkien mal-Eżekuttiv," qal il-PM Abela f'referenza ċara għall-mozzjoni li kien ressaq hu stess biex Konrad Mizzi jitkeċċa mill-Partit Laburista, inkluż minn Deputat Laburista. Dan seħħ wara li Mizzi kien mitlubjirriżenja minn Abela, iżda l-eks Ministru mar fuq il-midja soċjali u qal li ma kienx qed jaċċetta din it-talba.  

Huwa sostna li dan huwa mument ta' responsabilità li, hu bħala Prim Ministrtu, jħares l-interess nazzjonali, kif kien wiegħed li se jagħmel mill-bidu nett meta sar PM u anke s-sena l-oħra qabel l-elezzjoni ġenerali: "Li fejn seta' sar aħjar, il-Gvern jagħmel aħjar."

Huwa qal li kemm ilu fil-kariga wera' bil-fatti li dejjem aġixxa, tant li l-Gvern wettaq riformi kbar fejn seta' sar aħjar u qal illi biex tagħmel dan trid "tieħu t-tagħlimiet u toffri s-soluzzjonijiet."

Filwaqt li sostna li l-Kabinett li jmexxi qatt ma ltaqa' ma delinkwenti u kriminali, qal li waħda mill-ewwel reazzjonijiet tal-Gvern kienet illi proprju juri rieda mill-ewwel biex jiddiskuti din il-materja fil-Parlament. 

Abela sostna illi l-poplu jaf fejn qiegħed miegħu, jaf li ma hu jilgħabhiex ta' pur, u jmexxi Gvern li ma jibżax mill-isfidi, sfidi li fil-fatt ma waqfux, mill-pandemija dal-gwerra. 

"Iva f'dan il-każ irridu nagħmlu bidla wkoll," qal Abela li saħaq illi l-Gvern irid ċertezza legali qabel ma jieħu l-passi biex jasal fejn irid. Fakkar li kollox imur lura għall-kawża nnifisha li fetaħ Adrian Delia - li fakkar ukoll diversi drabi waqt id-diskors tiegħu illi ngħata l-ġenb minn dawk li llum qal illi qed itaptpu fuq spallejh. 

Abela fakkar li Delia qatt ma sejjaħlu biex jixhed fil-kawża, tant kien jaf li fl-ebda ħin ma hu għandu x'jaqsam mal-kuntratt tal-VGH  - f'liema punt il-Plenarja spiċċat f'għajjat u akkużi lejn il-PM li qed jiżvijja lill-Kamra tar-Rappreżentanti. Ifakkar ukoll Abela li l-Avukat Ġenerali wkoll ma sejjaħlux biex jixhed f'din il-kawża, sinjal ieħor li l-akkużi marbutin magħha ma huma b'ebda konnessi miegħu. 

Huwa jfakkar li kemm ilu Prim Ministru hu ma ġie ffirmat ebda kuntratt ma' Steward Healthcare, li sa mill-2020 dejjem fakkar lil Steward fl-obbligi legali u ċari li kellha tikkonforma magħhom, filwaqt li l-Gvern fittex lil Steward għall-arretrati ta' taxxi li ma ħallsux, tant li din fetħet kawża l-Qorti kontra l-Gvern fuq din il-materja. Huwa qal li lil Steward, mill-2020, il-Gvern ma taha ebda pagament lilhinn minn dak li kien mifthiem qabel, minkejja li Steward talbet diversi drabi li l-ftehimiet jinbidlu. 

"Aħna għamilniha ċara li mhu se nbiddlu xejn u xejn mill-ftehimiet li saru, minkejja li kienu talbuna diversi drabi biex nagħmlu bidliet" qal Abela. Huwa kompla jelenka affarijiet li għamel hu bħala Prim Ministru, fosthom li l-Gvern ma jagħmel xejn li twassal biex tintuża klawżola li kienet tfisser illi l-Gvern ikollu joħroġ €100 miljun għat-terminazzjoni tal-kuntratt. 

Huwa fakkar li l-Gvern talab lill-Qorti - permezz ta' rikors - biex jiqsar it-terminu tal-Appell - ħalli b'hekk l-affarijiet ma jitwalux. Qal ukoll li wara l-Gvern se jitla' fil-Qorti Superjuri fejn jitlob li l-Appell jinstema' b'urġenza. "Malli l-Qorti tikkonferma s-sentenza fi stadju ta' appell, mill-ewwel il-Gvern jieħu lura l-isptarijiet," sostna l-Prim Ministru għad-daħk minn naħa tal-Oppożizzjoni.

Abela ta garanzija assoluta tax-xogħol lill-infermiera, li s-servizz se jibqa' jingħata b'mod normali u imbagħad finalment li jwettaq il-viżjoni tal-Gvern għal dawn it-tliet sptarijiet, xi ħaġa iżda li ftit li xejn fetaħ aktar dwarha. 

Partikolarment dwar l-Isptar ta' Għawdex Abela qal illi hemm Deputati li jafu sewwa f'liema stat tħalla l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u kemm sar progress fl-aħħar snin. Semma' wkoll il-Queen Mary University of London, proġett li jgħid illi laħaq it-tragwardi kollha li kellu f'termini ta' studenti, tant li bdew diġà jiggradwaw studenti. 

"Se nsaħħu r-relazzjoni tagħna mal-Queen Mary University għax hija eżempju ta' investiment reputabbli u serju. L-investitur ġenwin jista' jserraħ rasu. Dak ta' Steward huwa l-eċċezzjoni," sostna Abela li ggarantixxa li l-affarijiet isiru bil-galbu. 

"Ikun ħażin għalih min jipprova jnaffar l-investiment minn pajjiżna," wissa l-PM Robert Abela, tattika li qal illi l-Oppożizzjoni adottat diversi drabi, inkluż meta pajjiżna kien fil-Lista l-Griża. 

Il-PM Abela fakkar li s-somom li ssemmi l-Oppożizzjoni li allura ngħataw lil Steward Healthcare jinkludu wkoll is-servizz mediku u l-pagi lill-ħaddiema ta' reputazzjoni tajba li jaħdmu fl-isptarijiet. "L-ewwel priorità tiegħi meta konna qed naraw din il-konċessjoni dejjem kienu l-pazjenti u l-ħaddiema," qal il-Prim Ministru Robert Abela. 

Ara hawn x'qalu Adrian Delia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

More in Politika