
'Abela mhux talli ma tax apoloġija, talli qalilna li m'għandux rimors' - Bernard Grech
Delia irrimarka li jekk ma tittiħidx responsabilità, 'ikun għalxejn li l-Gvern qal li jirrispetta s-sentenza'

More in Politika
Delia irrimarka li jekk ma tittiħidx responsabilità, 'ikun għalxejn li l-Gvern qal li jirrispetta s-sentenza'
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna illi llum, waqt il-dibattitu b’urġenza, kien qiegħed jistenna apoloġija mill-Prim Ministru Robert Abela, “iżda mhux talli m’għamilx apoloġija, talli qalilna li m’għandux rimors.”
Apparti minn hekk huwa qal illi kien qiegħed jistenna li Abela jkollu pjan kif l-isptarijiet ta’ Karin Grech, ta’ St Lukes u dak Ġenerali ta’ Għawdex kienu se jitmexxew bil-Maltin u Għawdxin. “Iżda minflok ġie hawn jattakka, jinsulenta u jimejjel b’ħaddieħor,” żied Grech.
Huwa qal illi Abela huwa l-kontinwità tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u li wara l-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru fl-2020, minflok għażel lill-poplu Malti jew Għawdxi għażel lill-korrotti, “u sena wara sena baqa’ jżidilhom il-flus, minkejja li ma wettqux l-obbligi tagħhom."
Grech fakkar lil Abela li meta ġie elett bħala Prim Ministru - “meta suppost kellha terġa’ titla x-xemx wara l-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u sħabu - hu u membri oħra tal-Gvern ivvutaw kontra l-mozzjoni ippreżentata mill-Oppożizzjoni. “Int u sħabek ivvutajtu kontriha, kontra l-poplu, il-batut, il-fqir, il-pazjent u kontra l-familji Maltin u Għawdxin,” qal Grech.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ qajjem il-punt illi qal il-Prim Ministru preċedentament, li huwa ma kienx parti mill-Kabinett meta sar il-ftehim. “Nesa li meta ġie iffirmat il-kuntratt kien konsulet legali ta’ Joseph Muscat, l-akbar politiku fl-istorja,” żied Grech.
‘L-isptarijiet ġibinhom aħna. Issa l-Gvern irid iġib lura t-€300 miljun li nsterqu’
“Jekk il-Gvern għad fadallu l-leġittimità jġib lura t-€300 miljun li nsterqu, għax l-isptarijiet aħna ġibhom.” Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia aktar kmieni fid-diskors tiegħu fil-Parlament.
Dan qalu fid-dawl tad-dibattitu ta’ emerġenza, li ssejjaħ miż-żewġ naħat tal-Kamra, wara s-sentenza li nqatgħet nhar il-Ġimgħa li għaddiet u li għaldaqstant tgħid illi l-konċessjoni ta’ Steward Healthcare hija “frawdalenti” u li sussegwentament ġiet iddikkjarata “null.”
Delia tenna li dan mhux każ ta' serqa ta’ landa tonn taż-żejt jew €5 minn handbag. “Serqulna l-flus minn ħalq uliedna,” għajjat Delia.
Waqt l-indirizz tiegħu, fost numru ta’ mistoqsijiet oħra li għamel, Delia saħaq li l-Gvern, sena wara sena, baqa’ jagħti l-flus lill-Steward, minn €30 miljun għal €80 miljun.
“Għal dawk li jagħmlu minn kollox biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar u jħallu f’idejn il-Ministri u l-Kabinett biex jamministraw il-fondi tagħhom, jiġi l-Gvern u minflok jagħti rigal ta’ €100 miljun lil min ried jiffrodana,” qal Delia. Dan qalu b’referenza għall-ftehim illi sar ma’ Steward u li għaldaqstant il-Gvern iħallas €100 miljun oħra jekk il-kuntratt ikun nullifikat mill-Qorti. Hawn Delia iddeskriva dan il-ftehim bħala "abbużiv u immorali.”
Għaldaqstant huwa temm l-indirizz tiegħu b’appell biex imqar “persuna waħda, membru tal-Gvern, tgħid min ser jerfa’ r-responsabilità. Inkella għalxejn illi l-Gvern jiġi hawn u jgħid li jirrispetta s-sentenza għax jekk ma tittiħidx ir-responsabilità, kollox ikun għalxejn.”
Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat.