Delia jirbaħ il-kawża tal-VGH... Il-Qorti tiddikjara l-kuntratt null u li huwa 'frodi' minn fuq dahar il-poplu
Il-Qorti tagħti sentenza qawwija fil-konfront tal-konċessjoni lill-Vitals Global Healthcare u anke fil-konfront tad-deċiżjonijiet li kien ħa l-eks Ministru Konrad Mizzi
minn Albert Gauci Cunningham
L-Imħallef Franceso Depasquale jiddikjara l-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare null u ddeskrivih bħala "frodi" minn fuq dahar il-poplu minn naħa ta' Steward u l-preseċessur tagħha, Vitals Global Healthcare.
Il-Qorti ddikjarat li l-konċessjoni kienet parti - minn ħafna - mogħtija lill-VGH u li l-intenzjonijiet tal-Gvern f'din il-konċessjoni kienu li Vitals u Steward jimplimetaw l-obbligazzjonijiet taghhom, xi ħaġa li s-sentenza tal-Qorti turi li fil-fatt ma għamlux. Is-sentenza tkompli tgħid li l-konċessjonarju kellu jiżviluppa t-tliet sptarijiet in kwistjoni - San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex - skont it-termini tal-istess kuntratt u allura ksur ta' dak maqbul, huwa wkoll ksur tat-termini tal-konċessjoni.
L-Imħallef Francesco Depasquale sostna illi jirriżulta illi ebda tragwardi "ma kienu osservati jew inkella milħuqin mill-Vitals, li llum hija Steward."
Fil-fatt huwa qal li dawn "it-tragwardi ta' dan il-proġett mhux talli ma ntlaħqux, talli kienu magħmulin ineffettivi, jekk mhux farsa totali."
Sostna wkoll li l-Gvern Malti, "minflok iddefenda l-interessi tal-Maltin, inkredibbilment aċċetta li jinbidel il-ftehim" u nnota wkoll kif ma kien hemm ebda spjegazzjoni loġika għall-konċessjoni ta' erba' snin u nofs li tħallihom jlestu t-tragwardi fl-2022 minflok fl-2018.
Is-sentenza tkompli tgħid li wieħed kien jistenna li Steward tiġi lura b'evidenza b'saħħitha imma l-unika evidenza li esebiet kienet paġna waħda ta' affidavit minn inġinier, u 56 paġna ta' ritratti. Huwa qal li ma kien hemm ebda evidenza pprovduta li turi li kull spazju ta' sodod li kien imwiegħed taħt dan il-kuntratt fil-fatt sar, filwaqt li qal ukoll illi għalkemm saru xi xogħlijiet ma ġiet mogħtija ebda evidenza li dawn l-istess xogħlijiet kienu finalizzati.
Ifakkar kif il-proġett li kien jinkorpora sodod turistiċi fl-Isptar San Luqa li suppost kellu jitlesta f'Diċembru 2018, mhux talli ma tlestiex talli lanqas biss beda.
Huwa kompla jgħid li għandu dubji sejri kemm kellhom intenzjonijiet tajbin Steward meta akkwistaw is-shares tal-VGH u meta obbligat lill-Gvern iħallas €100 miljun jekk il-kuntratt ikun nullifikat mill-Qorti.
Ikompli jgħid kif il-Kap Eżekuttiv ta' Projects Malta Adrian Said kien insista fix-xhieda tiegħu illi meta beda fil-kariga fl-2016 kien ikkonferma li r-Rikjesta għall-Proposti kienet diġà "lesta u ppreparata". Innota wkoll kif $600,000 kellhom jiġu pprovduti bħala spejjeż ta' qabel il-proġett, li jfisser illi l-offerenti kienu diġà għamlu investiment sostenzjali. L-eks Ministru Konrad Mizzi kien ċaħad din l-allegazzjoni.
L-Imħallef qal illi kellhom isiru studji qabel ma ħarġet l-RFP u qal li ma kellux dubji li l-VGH kienet talbet lill-Gvern sabiex jgħaddi d-dettalji kollha li jitrattaw il-kostruzzjoni tal-isptarijiet.
'Ma wettqet xejn... Frodi minn fuq dahar il-poplu'
Għalhekk, kompla jisħaq l-Imħallef il-Vitals, bil-Kumpanija Bluestone bħala Shareholder, falliet mill-obbligazzjonijiet tagħha u ma wettqet ebda obbligazzjoni. It-turiżmu mediku kien sempliċiment messa in scena li intużat biex tikkonvinċi lill-Gvern jagħti din il-konċessjoni u "ma kien hemm ebda attentat biex il-Vitals jimplimenta il-ftehim."
Fid-dawl ta' dan, l-Imħallef kompla bis-sentenza mill-aktar qawwija u skjaċċanti fil-konfront ta' dan il-kuntratt u saħaq illi l-Qorti ma kellhiex dubju li Steward Healthcare kienet "taf sew bl-obbligazzjonijiet tal-VGH u li dawn ma kinux onorati. Imbagħad bdiet proċess b'serje ta' negozjati mal-Gvern u spiċċat b'erba' loans mal-BOV.
L-Imħallef qal li Steward kienet sforzat lill-Gvern ibiddel il-ftehim "sabiex ikun il-Gvern li jħallas meta u jekk il-kuntratt ifalli." L-Imħallef Depasquale staqsa kif jista' jkun li l-Gvern "ħalla lilu nnifsu jidħol f'din il-pożizzjoni."
Kien hawn li l-Imħallef qal illi l-azzjonijiet ta' Steward jistgħu jkunu "saħansitra kriminali." U kien hawn li l-Imħallef semma' l-frodi u akkuża lil Steward illi dan it-tibdil kien "riżultat ta' Steward li jbiddel il-ftehim permezz ta' frodi mill-VGH, sabiex isiru sinjuri minn fuq dahar il-poplu."
Huwa ddeskriva l-mod kif operat Steward bħala "theddid" u mod kif il-kumpanija mliet butha b'mod mhux ġustifikat, "bl-intenzjoni li tikkorrompi l-għażla, għas-spejjeħ tal-Gvern Malti."
Kuntratt Null...
Għalhekk l-Imħallef qal illi l-Gvern u l-awtoritajet "kellhom l-obbligazzjoni jirrevokaw il-kuntratt" u qal ukoll illi l-Qorti għalhekk tilqa' t-talba ta' Delia u tirrevoka u tannulla it-tliet ftehimiet u l-emendi kollha u titlob li l-Gvern jirritorna dawn il-proprjetajiet in kwistjoni.
'Jekk Alla jrid nirbaħ ikun rebaħ il-poplu kollu' - Delia qabel is-sentenza tal-Qorti
Adrian Delia kien fetaħ kawża il-Qorti illi fiha qed jitob illi jkun nullifikat il-kuntratt li oriġinarjament kien iffirmat mal-Vitals Global Healthcare, kumpanija mingħajr ebda esperjenza fil-qasam mediku u li f'pajjiżna kienet rrappreżentata minn Ram Tumuluri, raġel li kien nstab ħati b'serq ta' klijenti tal-lukanda li kien imexxi fil-Kanada.
F'kummenti mas-sit illum.com.mt Adrian Delia stqarr illi din il-kawża għalih tfisser "verità, prinċipju, il-ġlieda għas-sewwa u tfisser
poplu m’għandu jieqaf qatt sakemm jikseb il-ġustizzja."
Huwa sostna wkoll li f'dawn l-aħħar ħames snin għamel dak kollu li seta' u li, "jekk nitlef illum inweġġa' jien waħdi imma Jekk Alla jrid nirbaħ ikun rebaħ il-poplu kollu."
Lanqas biss kellha tikkwalifika għall-proġett - Kien ikkonkluda l-NAO
L-istorja tal-VGH kienet waħda taħraq, iddominata minn mistoqsijiet, dubji, xogħol li ma jsirx u finalment il-falliment tal-VGH illi jwettqu l-proġett mogħti lilhom bex iwettqu. Biżżejjed infakkru li l-VGH mhux talli ma kellhiex tirbaħ dan il-kuntratt talli skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) kellha tkun skwalifikata mill-proċess. L-istess Uffiċċju kien wera' t-tħassib immedjat tal-Uffiċċju fir-rigward tal-ftehim li rappreżentanti tal-Gvern allegatament għamlu ma’ numru mill-investituri ta’ VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti (RfP).
"Il-koinċidenza bejn dan il-ftehim u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali. It-tħassib tal-NAO jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lil dan l-Uffiċċju kopja tal-ftehim. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan il-ftehim ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta’ VGH mill-RfP," qalet l-istqarrija.
Intant dwar il-każ Delia argumenta quddiem il-Qrati li l-VGH u allura Steward Healthcare li komplew fuq l-istess kuntratt, kisru t-ermini tal-kuntratt u allura l-Gvern ma kellu ebda jedd li jitrrasferixxi l-konċessjoni mill-VGH għal għand Steward Healthcare. Huwa kien qal - meta fetaħ dan il-każ - illi minflok il-Gvern ħa lura l-isptarijiet meta kien ovvju li l-VGH qed tikser il-kuntratt huwa ta ċ-ċans lill-VGH tbigħ l-istess proprjetà lil terzi.
"Fejn jonqos il-Gvern nidħlu aħna. Meta jkollna s-saħħa nieħdu lura dak li huwa tal-Maltin, ma nfallux," kien sostna Delia.
Dubji serji dwar it-'track record' ta’ Tumuluri u ta’ Vitals
Minn ftit wara li tħabbar illi l-VGH kienu magħżulin bdew iqumu diversi mistoqsijiet dwar l-isfond mediku u t-'track record' tal-kumpanija u tal-wiċċ tagħha f’pajjiżna; Ram Tumuluri. Fil-fatt il-kumpanija kienet kritikata għaliex għandha 'track record' fqir fl-isfera tas-saħħa.
Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li żvelat kif Ram Tumuluri, li kien qed jieħu ħsieb l-operat ta' VGH Global Healthcare f'pajjiżna, ma kellu ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u wisq inqas esperjenza ta' suċċess fin-negozju. L-istess gazzetta kienet żvelat li l-uniku rekords taħt ismu kienu dawk relatati mal-kumpanija Ayurcare International li kienet ġiet xolta hekk kif ma kinitx konformi mal-liġi. Apparti dan, kienet żvelat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 8 ta' Novembru 2015, Tumuluri kien ddikjara l-kumpanija T&V Hospitality, parti minn struttura li kienet qed tmexxi l-lukanda Nita lake Lodge fil-Kanada, falluta bil-konsegwenza li ma kienx baqa' Direttur Maniġerjali tal-istess Lukanda. Tumuluri kien dejjem ċaħad li hu mexxa kumpanija li falliet u kien sostna illi l-kumpanija kellha biss l-assi trasferiti.
Minn Nikita lake Lodge fil-Kanada għal Għawdex
Nhar is-16 ta’ Marzu 2010, Nikita Lake Lodge , lukanda fil-Kanada, waqgħet taħt maniġment ġdid. Artiklu fuq is-sit ta’ lukandi ‘Hotel Interactive’ irrapporta hekk; ‘Managing Director, Ram Tumuluri, will head the take-over team and lead the day-to-day operations for the hotel. Tumuluri’s extensive background in luxury hotel management includes a post-graduate degree in Business Management from Birmingham University in the UK, and a Culinary Arts degree from Osmania University in India.'
L-ILLUM għandha f’idejha deċiżjoni mill-Qorti Suprema tal-British Columbia illi tagħmel referenza għal Tumuluri bħala President u Direttur ta’ T&V Inc. Din il-kumpanija, skont is-sentenza kienet qed timmaniġġja l-pixxina tal-lukanda Nikita Lake Lodge, kif ukoll kienu qed jikru s-sezzjoni kummerċjali u tal-lukandi ta’ NLL Holdings. T&V kellha, skont id-deċiżjoni tal-Qorti, tipprovdi lista ta’ affarijiet lis-sidien fosthom il-kontijiet awditjati. Imma dan ma sarx.
Artiklu 60 tad-deċiżjoni tal-Qorti tgħid hekk; ‘Il-kumpanija poġġiet lis-sidien kollha f’riskju sever. Qed nifrreferi għal fatt li T&V...ħassru r-rekords tal-kontijiet u ħadu depożiti mill-karti ta’ kreditu mill-‘bookings’ tal-Milied...'
Sena wara din is-sentenza, fl-2015, Vitals rebħu l-kuntratt u Tumuluri ħa pożizzjoni prinċipali fil-proġett f’Għawdex.
F’kummenti mal-midja nhar il-4 ta’ Novembru 2016, Tumuluri kien saħaq li hu mhux il-VGH. Kien sostna wkoll li wara l-kumpanija hemm numru ta’ nies, fosthom bord mediku illi fih hemm il-Kirurgu u eksDeputat Nazzjonalista Albert Fenech.
Ultimate Beneficiary Owner'; Pawley jew le?
'Ultimate Beneficiary Owner' (UBO) tirreferi għal dik il-persuna li hija s-sid jew li tikkontrolla klijent/persuna f’isem min tkun qed issir tranżazzjoni. Dan ifisser illi tranżazzjoni tkun tidher f’isem persuna ‘X’, pero ‘X’ tkun ikkontrollata minn ‘Y’. ‘Y’ huwa l-'ultimate beneficiary owner'.
L-istruttura tal-kumpanija li kienet se tmexxi tliet sptarijet Maltin, ġiet taħt skrutinju iebes minn bosta, mhux l-inqas mill-ġurnalista u 'blogger' Daphne Caruana Galizia.
Is-sid ta’ Vitals Healthcare hija Oxley Capital PTE Limited (Group), kumpanija rreġistrata f’Singapor. Vitals hija l-kumpanija maġġuri. Oxley għandha sehem fil-kumpanija Bluestone. Bluestone hija magħrufa aħjar bħala Bluestone Special Situation 4 Limited u għandha bħala Diretturi lil Mark Edward Pawley u lil Ram Tumuluri.
Bluestone hija l-'holding company' ta’ Vitals. Holding Company hija kumpanija li tikkontrolla kumpanija oħra, f’termini ta’ policies u maniġment.
Bluestone Investments Malta għandha bħala Diretturi lil Ram Tumuluri u lil Mark Edward Pawley u għandha 'shareholder' wieħed, li fl-informazzjoni pubblika dwar il-kumpanija huwa anonimu. L-indirizz ta’ dan l-‘anonimu’ huwa ‘PO Box 97, Offshore Incorporations Centre, Road Town, Tortola, British Virgin islands.’
Huwa dan il-qofol ta’ ħafna mid-diskussjoni li nqalgħet. Min huwa dan l-anonimu? Rum Tumuluri u anke l-Vitals stqarrew li l-benefiċċjarju huwa Pawley.
Ix-xogħol jaqa’ lura u Vitals ibiegħu
Filwaqt li l-preparamenti għadhom għaddejjin, ix-xogħol infrastrutturali jidher illi waqa’ lura sew fuq il-proġetti, bi ftit li xejn ċaqlieq fl-Isptar San Luqa.
L-aħħar kapitlu ta’ Vitals f’Malta ġie proprju fil-21 ta’ Diċembru, ftit qabel il-Milied. Mingħajr ħadd ma kien qed jistenna, Vitals iffirmaw kuntratt ma’ Steward Healthcare u allura irrinunzjaw mill-ftehim li kellhom mal-Gvern.
Il-kuntratt bejn il-Vitals u l-Ministru Konrad Mizzi f’isem il-Gvern kien jistipola bl-aktar mod ċar li Vitals kellhom dejjem jinfurmaw u jgħarrfu lill-Gvern bit-terminazzjoni, li minn naħa tiegħu kellu d-dritt li jieħu l-art u l-proprjetà lura f’idejh.
Il-Ħadd li għadda kien żvelat fuq is-Sunday Times li t-tagħmir kollu tal-Isptarijiet inbiegħ b’€1 biss.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal hekk dwar dan il-bejgħ minn Vitals lil Steward Health; ‘We now have additional comfort that government’s partner [Steward] in the PPP has a strong track record in healthcare… This is the real thing’