Jirrifjuta sejħiet biex jirriżenja l-Ministru Camilleri u jgħid li dan huwa Ministru 'li qed jagħmel suċċessi'

Kien il-Partit Nazzjonalista li ftit wara li rriżenja Brincau qalu illi l-Ministru Byron Camilleri mhuwiex kompetenti u għandu jirriżenja minn jeddu jew inkella jitkeċċa mill-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Ministru Byron Camilleri mhux talli ma għandux jirriżrenja talli faħħru għax qal li huwa wieħed mill-aktar Ministri produttivi. Is-sit maltatoday.com.mt staqsa jekk il-pożizzjoni ta' Camilleri għadhiex tenibbli fid-dawl tal-fatt li dalgħodu dak li kien Direttur tal-Ħabs Robert Brincau kellu jirriżenja hekk kif instab ħati li agredixxa u weġġa' lil raġel waqt argument fil-Bajja tal-Għadira, kif ukoll li kien qed iġorr arma mingħajr il-permess meħtieġ. 

Kien il-Partit Nazzjonalista li ftit wara li rriżenja Brincau qal illi l-Ministru Byron Camilleri mhuwiex kompetenti u għandu jirriżenja minn jeddu jew inkella jitkeċċa mill-Prim Ministru. 

Abela saħaq illi Camilleri għamel suċċess, kemm fil-qasam tal-pulizija u l-forzi tal-ordni, "u b'mod partikolari fil-qasam tal-immigrazzjoni... Ir-riżultati li kellna huma ċari u n-numri ta' wasliet ta' immigranti, speċjalment fil-kuntest tar-realtajiet tal-immigrazzjoni jitkellmu waħedhom," sostna l-PM Abela huwa u ħiereġ minn laqgħa tal-Kabinett, 

Kompla jgħid illi dwar il-każ ta' Brincau l-Gvern kien ċar dwar dak li kien se jiġri u mill-ewwel kien qal illi se jara kif jiżvolġi l-każ qabel jiddeċiedi l-futur ta' Brincau bħala Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. "Instab ħati, immedjatament ta r-riżenja li ġiet milqugħa," temm ifakkar il-PM Robert Abela.

More in Politika