'Byron Camilleri għandu jirriżenja jew jitneħħa mill-Prim Ministru' - Joe Giglio

Huwa qal li minkejja li Brincau irriżenja minn jeddu, 'din ma tnaqqasx mid-deċiżjoni żbaljata' li ħa l-Ministru dakinhar li feġġ il-każ

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Joe Giglio talab għar-riżenja tal-Ministru għall-Infurzar u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri fid-dawl tas-sentenza ta' sena ħabs, sospiża għal tliet snin, tad-Direttur tal-ħabs, Robert Brincau. 

Min-naħa tiegħu Giglio saħaq li, fid-dawl ta' dan kollu, il-Partit Nazzjonalista ħass li m'hemmx triq oħra għajr li l-Ministru Camilleri jirriżenja jew jitneħħa mill-Prim Ministru Robert Abela. 

Intant Brincau, ftit wara li s-sentenza tal-Qorti saret pubblika, offra r-riżenja tiegħu mill-kariga. Minkejja dan Giglio jgħid li din ma tnaqqas xejn "mid-deċiżjoni żbaljata li ħa l-Ministru dakinhar li feġġ il-każ." Saħaq li d-deċiżjoni kompliet tkattar il-kultura li "ħoloq il-Gvern tal-Labour li f'pajjiżna kulħadd jista' jagħmel li jrid mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi u mingħajr ma tintrefa' responsabbilità." 

Giglio żied li kawża ta' hekk tkompliet tikber l-impunità u sussegwentement din wasslet biex tkabbar ir-riskju ta' sigurtà f'pajjiżna. 

Giglio temm jgħid ukoll li "n-nuqqas ta' ħila tal-Ministru hu nnotat ukoll fid-demotivazzjoni li hemm fil-Korp tal-Pulizija, li l-Armata m'għandha l-ebda dirrezjoni u s-sistemi ta' Identity Malta kkolossaw għal kollox." 

Min-naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li min hu b'saħħtu "jagħmel li jrid għax taħt Robert Abela tirrenja l-liġi tal-ġungla, iżżarma l-Korp tal-Pulizija u ddgħajjef l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali."  Żied jgħid li Abela waqqa' l-istandards ta' kollox u "dan hu r-riżultat tal-kollox jgħaddi u tax-xejn mhu xejn. Ġenituri inkwetati dwar uliedhom u familji mkissrin. Dan hu l-legat tiegħu għall-aħħar tliet snin." 

More in Politika