L-NGO Doctors for Life tinnota li fid-dawl tan-nuqqas ta' informazzjoni uffiċjali maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa fil-każ ta' Andrea Prudente "l-attivisti pro-choice għawwġu l-każ ta' Prudente kif riedu biex taqbel mal-aġenda tagħhom." Dan qalitu b'reazzjoni għal dak li ntqal fil-Qorti mit-tobba nhar il-Ġimgħa, fil-Kawża Kostituzzjonali li fetħet Andrea Prudente.
Doctors for Life tisħaq li minkejja l-fatt li Prudente ma kinitx f'riskju u t-tarbija kellha ċans żgħir li ssalva, "minkejja dawn il-fatti l-attivisti favur l-abort beżżgħu u taw informazzjoni skorretta bil-għan li l-pubbliku jingħaqad favur u li l-politiċi iwieġbu għall-għajta tagħhom biex jiġi introdott l-abort."
"Il-Professur Isabel Stabile, marret pass oltrè u ppruvat tinfluwenza lill-konsulent li kien qiegħed jara lil Prudente fl-Isptar u għamlitlu pressjoni meta qaltlu 'taf x'għandek tagħmel," sostniet l-NGO.
L-għaqda faħħret lit-tobba ta' Prudente għall-kuraġġ tagħhom biex jaġixxu bl-aħjar mod skont il-ġudizzju etiku u klinku f'dawn iċ-ċirkostanzi. Dan filwaqt li appellaw lil Membri Parlamentari jiftakru f'dak li ntqal fil-Qorti nhar il-Ġimgħa li għaddiet meta tiġi diskussa l-emenda, fiż-żmien li ġej.
"Aħna għandna fidi fil-Membri Parlamentari li se jagħmlu dak li huwa tajjeb u jiżguraw li l-emendi jagħtu serħan il-moħħ lil dawk kollha involuti," temmet tgħid l-għaqda Doctors For Life.