Dalgħodu tliet organizzazzjonijiet - Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta u Rota - dendlu żewġ banners fuq it-traffiku miġmugħ ġewwa l-Marsa u l-Imsida biex jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku "għan-nuqqasijiet kbar fl-infrastruttura tat-trasport. Dawn in-nuqqasijiet huma frott id-deċiżjonijiet ħżiena tal-awtoritajiet u qed iwasslu għal dipendenza assoluta fuq il-karozza privata, konġestjoni kontinwa u tniġġis tal-arja."
Bil-messaġġ: “Prijorità nies, mhux karozzi," l-organizzazzjonijiet qegħdin jikkritikaw l-ipprijotizzar tal-karozza privata fuq sistemi ta' trasport inklussivi, sostenibbli u sikuri. Dan il-mudell, li huma iddeskrivewh bħala "sfaxxat", wassal għaż-żieda ta' kważi 40 karozza kuljum matul is-sena li għaddiet u numru allarmanti ta' inċidenti tat-traffiku.
"Is-sena li għaddiet kisret ir-rekords kollha b'26 persuna maqtula fit-toroq tagħna u mijiet oħra li spiċċaw bi ġrieħi gravi. Iċ-ċiklisti u n-nies bil-pass huma l-iktar nies vulnerabbli f'toroq perikolużi u dawn l-istatistiċi xejn ma jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni volontarja tan-nies lejn mezzi alternattivi ta' trasport," qalu l-organizzazzjonijiet.
Il-kostruzzjoni u t-twessiegħ tat-toroq wasslu wkoll sabiex tlifna meded kbar ta' art agrikola u permeabbli għall-ilma tax-xita, li jirriżultaw f'għargħar, problemi fis-sigurtà tal-ikel, u problemi assoċjati mat-tibdil fil-klima, flimkien ma' emissjonijiet li għandhom danni sanitarji u ambjentali. "Ironikament, il-proġetti infrastrutturali mifruxa mal-pajjiż fallew milli jtaffu l-problema tal-konġestjoni. Dan minħabba l-effett ta' żieda fid-domanda li wissew dwaru l-esperti fil-qasam," qalu Graffitti, Friends of the Earth u Rota.
It-tliet organizzazzjonijiet qegħdin jinsistu li jiġi rikonoxxut il-bżonn għal infrastruttura tat-trasport soċjalment inklussiva fejn:
- Il-membri kollha tal-komunità, inklużi t-tfal, iħossuhom kunfidenti u sikuri jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota fuq rotot effiċjenti u pjaċevoli;
- It-trasport pubbliku, bħall-laneċ u tal-linja, ikunu fil-ħin u jservu l-bżonnijiet diversi tal-komunità u mhux l-interessi tal-kummerċ;
- U fejn l-ispazji fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna jkunu għall-komunitajiet flok għall-parkeġġ.
Barra minn hekk, jemmnu li ħadd ma għandu jħossu obbligat li jinvesti f'karozza għaliex inkella "jaffaċċja r-riskju li jiġi soċjalment marġinalizzat bl-infrastruttura tat-trasport ta' pajjiżna. Għalhekk, qed nerġgħu ntennu t-talbiet tagħna lill-awtoritajiet rilevanti sabiex jieħdu l-passi neċessarji biex isewwu dak li s'issa ħolqu fi kriżi nazzjonali."