Malcolm Borg mill-Għaqda Bdiewa Attivi saħaq li fi ftit ġimgħat pajjiżna sema' b'minn tal-inqas erba' proġetti li se jieħdu post total ta' 76 tomna art agrikola. Borg saħaq li l-Gvern qiegħed jikkontradixxi lilu nnifsu meta jitkellem dwar politka ta' sigurtà tal-ikel, meta din l-art agrikola setgħet tipprovdi, "34,000 kilo ta' għaġin jew 38,000 kilo ta' ħobż jew 190,000 kilo ta' patata jew 300,000 kilo ta' larinġ, kull sena."
Huwa għamel referenza għal dawn il-proġetti u qal li dawn se jittiħiedu,"4,000 metru kwadru ta' raba' biex jinbena supermarket f'Ħal Qormi, 5,500 metru kwadru ta' raba' biex jinbena supermarket (ieħor) f'Birkirkara, 28,100 metru kwadru ta' raba' biex tinbena skola f'Ħal Għaxaq u 39,000 metru kwadru ta' raba' biex issir trakka għall-ġiri f'Ta' Qali." Dan filwaqt li saħaq li l-art agrikola setgħet issostni l-għajxien ta' madwar tliet bdiewa, full-time.
Borg saħaq li l-Gvern sar jitkellem ħafna dwar il-bżonn ta' sigurtà tal-ikel, wara li skont hu "diġà lagħab man-nar fi żmien il-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna". Jgħid li fil-fatt dan l-istess kunċett huwa msemmi wkoll f'numru ta' dokumenti tal-Gvern. "Imma peress li l-entitajiet jaħdmu b'mod separat u peress li l-iżvilupp f'Malta huwa suprem, l-Awtorità tal-Ippjanar ma jinteressahiex dwar dan għax il-policies li ssegwi hi ma' jagħmlux referenza għas-sigurtà tal-ikel.
Madankollu b'sarkażmu huwa irrimarka, "l-iżvilupp irid isir x'imkien hux! Ir-raba' mhux għalhekk qiegħed hemm, biex xi darba jew oħra niħduh ħalli niżviluppaw aktar lill-pajjiż? Kemm għad jittallbu ma' pajjiżi biex jibagħtulna l-ikel uliedna'"