Titħabbar il-mewt tal-eks Deputat Laburista Silvio Parnis
'Silvio Parnis jibqa' magħruf bħala politiku ta' qalb tajba li dejjem baqa' viċin in-nies' jgħid il-Partit Laburista ftit wara li titħabbar il-mewt tal-eks Deputat
3 ta' Jannar 2023 10:56 minn Albert Gauci Cunningham
Sfortunatament, kmieni wara nofsinhar tħabbret il-mewt tal-eks Deputat Laburista Silvio Parnis fl-età ta' 57 sena, bil-Partit Laburista fi stqarrija jfakkar f'karriera ta' servizz lejn iċ-ċittadin. "Silvio Parnis dejjem ra li jħaddem fil-prattika l-valuri tal-ġustizzja soċjali u l-għajnuna lill-inqas batut."
"Silvio Parnis jibqa' magħruf bħala politiku ta' qalb tajba li dejjem baqa' viċin in-nies," kompla jgħid il-Partit Laburista fl-istqarrija tiegħu.
Fl-aħħar sigħat il-midja soċjali kienet mimlija b'messaġġi minn diversi persuni sabiex isir talb għal saħħet l-eks Deputat Silvio Parnis li kien jinsab f'qagħda ta' saħħa xejn tajba, fl-aħħar jiem. Fost dawk li għamlu dawn l-appelli kien hemm Manuel Cushcieri li sostna li hemm bżonn ta' talb għal persuna li "ta lilu nnifsu - sakemm tħalla jaħdem - għall-batut u l-isfortunat fis-soċjetà." Huwa sostna li Parnis huwa "eżempju ta' umanità kbira u korrettezza kbira politika."
Miegħu ngħaqdu diversi attivisti Kunsillieri tal-Partit Laburista li wkoll kienu qed jappellaw għat-talb u l-kuraġġ lil Parnis.
Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista ukoll ingħaqad mal-bosta nies li kienu jafu lil Parnis u sellem il-memorja tiegħu. "Matul il-ħidma politika tiegħu, Parnis dejjem ħadem bil-mod tiegħu favur il-ġustizzja soċjali u favur dawk l-aktar fil-bżonn. Ħidma li kienet apprezzata mill-elettorat li, elezzjoni wara l-oħra, tah il-fiduċja. Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-kondoljanzi lill-familja u lil dawk qrib tiegħu."
Silvio Parnis kien Deputat Laburista, sa mill-1998 u kien kandidat fuq ir-Raba' Distrett fejn kien pjuttost popolari. Parnis kien ukoll wiċċ familjari mat-telespettaturi ta' TV lokali fejn kien jippreżenta programm illi fih jgħin lil dawk li kienu fil-bżonn. Huwa kien Segretarju Parlamentari, kemm tal-Kunsilli Lokali u aktar riċenti tal-Anzjani u Anzjanità Attiva, sakemm ma kienx reġa' ġie appuntat fil-Kabinett f'Novembru tas-sena l-oħra, wara kritika li kien irċieva fuq il-mod kif kien mexxa s-settur tal-anzjani waqt l-eqqel tal-pandemija.