Il-Prim Ministru Robert Abela kkritika t-tmexxija tal-Parlament Ewropew għax fi kliemu, din għaġlet fil-konklużjonijiet tagħha dwar l-allegazzjonijiet ta’ tixħim li jinvolvu uffiċjali għolja u anke MEPs, mill-Gvern tal-Qatar.
Fil-kritika tiegħu lit-tmexxija ta’ Roberta Metsola, il-Prim Ministru qal li l-Parlament Ewropew aġixxa “malajr wisq.”
Fi kliemu, b’rispett lejn l-istituzzjonijiet hu mhux se jagħmel l-istess.
Abela qal dan f’kummenti lil TVM meta kien mistoqsi dwar dan il-każ. Bħalissa, il-Prim Ministru jinsab fi Brussell.
Aqra wkoll: Metsola tħabbar riforma kbira fil-Parlament Ewropew wara l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropea Eva Kaili u tliet uffiċjali oħra ġew arrestati u akkużati b’korruzzjoni wara investigazzjoni mill-Pulizija Belġjana dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim mill-Qatar.
L-investigaturi qed jisħqu li dawn il-persuni u oħrajn ħadu somom kbar ta’ flus mill-Qatar bil-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Ewroparlamentari. Fid-dar ta' wħud minnhom, instabu xkejjer sħaħ bi flus kontanti.
Immedjatament, Kaili tkeċċiet mill-pożizzjoni tagħha wara vot kważi unanimu.
Meta mistoqsi dwar dan, Abela qal li l-prinċipju għandu jibqa’ dejjem wieħed, jiġifieri li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jitħallew jaħdmu.
Il-Prim Ministru saħansitra qal li “huwa possibbli wkoll li l-Parlament Ewropew kien iffukat biex jiċċensura u jikkritika stati membri tal-Unjoni Ewropea” u falla milli jirrikonoxxi dak li kien qed jiġri fl-istrutturi tiegħu stess.
Dwar il-Qatar, Abela qal li r-rabtiet importanti li jeżistu bejn l-Ewropa u dan il-pajjiż, partikolarment fil-qasam tal-enerġija, ma għandhomx ikunu mtappna minn dawn l-allegazzjonijiet.
Aqra wkoll: Tifħir 'għall-azzjoni deċiżiva' ta' Metsola u wegħdi li se tiħrax il-ġlieda kontra l-korruzzjoni