Il-Kummissarju Ewropew għas-Sigurtà Ylva Johansson, meta kienet qed tirreaġixxi fil-bidu ta' dibattitu fil-Plenarja għall-aħħar żviluppi relatati mal-iskandlu ta' allegat tixħim mill-Qatar faħħret, lill-President tal-Parlament Ewropew għal dak li ddeskriviet bħala "azzjoni deċiżiva" tagħha fl-ewwel sigħat u anke ġranet wara li faqqa' l-iskandlu li ra lill-eks Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili arrestata fuq suspetti ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus. Qed ikun allegat li l-Qatar għadda flus biex jinfluwenza lill-MEPs hekk kif kienet qed tiġi ppreparata riżoluzzjoni mill-Parlament li tikkundanna t-trattament tan-nisa, persuni LGBTIQ u anke ta' immigranti mill-Qatar - speċjalment fid-dawl tal-preparamenti għat-Tazza tad-Dinja.
Iktar kmieni llum Eva Kaili tneħħiet mill-kariga ta' Viċi President b'vot kważi unanimu.
Filwaqt li fakkret li l-investigazzjoni għadha għaddejja, Johansson sostniet ukoll illi l-akkużi hawnhekk huma mill-aktar serji. "Misskom tistħu, ngħid lil dawk li kisru l-fiduċja tal-popli ewropej billi xxaħħmu, li taw każ biss l-interessi tagħhom, li tradew il-fiduċja tal-kollegi tagħhom stess," sostniet il-Kummissarju.
Hija fakkret fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea sabiex dawk li huma ħatja ta' korruzzjoni jinġiebu quddiem il-ġustizzja u fakkret illi l-Unjoni Ewropea bniet monitoraġġ qawwi kontra każ ta' korruzzjoni madwar il-kontinent, filwaqt li introduċiet il-Liġi tal-Kundizjonalità li tara illi flus u fondi ewropej ma jkunux serjin lejn attivitajiet jew persuni korrotti. Qalet illi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur is-saltna tad-dritt hija "ċentrali" għall-ħidma tal-Unjoni Ewropea.
'Fejn hemm is-saltna tad-dritt in-nies jiġu arrestati u jitneħħelwlom ir-responsabilitajiet, dik id-differenza'
Minn naħa tagħhom ukoll l-ewwel kelliema tal-Partit Popolari Ewropew u tas-Soċjalisti ukoll kienu skjaċċanti fuq dak li seħħ.
L-ewwel kelliem - Jeroen Lenaers, MEP f'isem il-Partit Popolari Ewropew - li huwa wkoll il-partit li minnu ġejja l-President Metsola, faħħar l-azzjoni tal-President u s-sens ta' tmexxija li weriet u saħaq illi bħalha jgħid li mhu se jkun hemm ebda impunità. Kompla jgħid li diġà kien hemm dawk li sejjaħ "L-Orbans ta' din id-dinja" li qed jieħdu gost b'dak li ġara u aċċenna hekk: "Id-differenza hija li fejn hemm is-saltna tad-dritt n-nies jiġu arrestati, jittellgħu l-Qorti u jiġu mneżżgħin minn kwalunkwe responsabilità."
Intant il-President tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) Iratxe Garcia Perez fakkret illi l-Parlament Ewropew dejjem ħadem kontra l-korruzzjoni u hekk se jibqa' jagħmel, "għax il-korruzzjoni tkisser l-istituzzjonijiet u timmina lill-poplu... Jiena kburija bir-reazzjoni tal-Parlament."
Hija appellat biex l-attitudni kriminali tal-ftit ma titfax dawl ikrah fuq il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej u wkoll appellat biex jitwaqqaf qafas ta' etika għall-ħaddiema u istituzzjonijiet kollha marbutin mal-Parlament Ewropew.
"Dan il-Parlament huwa trasparenti u rridu nassiguraw li dan li ġara ma jerġa' jseħħ qatt," temmet tgġid il-President tal-S&D.