Aġġornata: Il-Parlament Ewropew b'vot unanimu jkeċċi lill-Viċi President Kaili mill-kariga

Vot fuq il-Viċi President tal-Parlament Ewropew jibdel il-ġurnata tal-lum f'waħda partikolari ħafna fl-istorja tal-Parlament Ewropew, b'625 minn 628 MEP jivvotaw biex Kaili titkeċċa

Wara vot li talbet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Parlament Ewropew illum ffaċċja dak li huwa mument storiku u partikolari ħafna hekk kif spiċċa keċċa lil waħda mill-Viċi Presidenti tiegħu, Eva Kaili li spiċċat arrestata nhar is-Sibt li għadda fuq suspett ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus wara li kienu żvelati numru ta' tranżazzjonijiet suspettużi mill-Qatar. L-akkuża hija li dawn il-flus għaddew għand numru ta' nies - inkluż u allegatament anke għand Kaili - sabiex il-Qatar ikun jista' jaffetwa jew jinfluwenza lill-Membri Parlamentari Ewropej. 

Il-vot kien wieħed prattikament unanimu b'625 Membru Parlamentari Ewropew minn total ta' 628, jivvotaw biex Kaili titkeċċa mill-kariga. 

Dan huwa mument partikolari ħafna hekk kif l-aħħar darba li ġrat xi ħaġa simili - minkejja li xorta serja - kienet ferm 'il bogħod mill-gravità tas-sitwazzjoni issa, bl-akkużi jkunu daqstant serji. Fil-fatt kien fl-2018 li Ryszard Czarneski wkoll tkeċċa minn Viċi Presideny wara li xebbaħ MEP Pollakk ma' kollaboratur Nażista. Dakinhar 447 MEP kienu vvutaw favur it-tkeċċija tiegħu u 196 ivvutaw kontra. 

Sabiex Kaili ma tibqax fil-kariga Metsola kellha tinvoka r-Regola numru 21 tal-Parlament Ewropew li tgħid illi permezz ta' vot ta' żewġ terzi tal-Membri Parlamentari Ewropej u li jirrapreżentaw tliet grupi politiċi, il-Parlament ikun jista' jġib fi tmiemha kariga ta' President, Viċi President, Quaestor jew Kap ta' Kumitat Parlamentari meta dawn jemmnu li din tkun imdaħħla jew ħatja ta' imġieba ħażina. 

Kaili, li nstabet b'eluf fi flus konanti f'darha u li kienet arrestata mill-pulizija Belġjana nhar is-Sibt li għadda, hija waħda mill-14-il Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew u hija ferm popolari f'pajjiżha, il-Greċja. Hija kienet waħda mill-aktar nies li faħħru l-Qatar u li saħansitra qalet illi dan il-pajjż kien "fuq quddiem" f'dak li jirrigwarda drittijiet tax-xogħol - stqarrija meqjusa inkredibbli minn bosta hekk kif fl-aħħar snin - fuq xogħol relatat mat-Tazza tad-Dinja biss kienu rrapportati li mietu jew inkella weġġgħu mijiet ta' ħaddiema, importati minn barra bi ftit li xejn drittijiet. 

Filwaqt li tkeċċiet kemm mill-partit li tiegħu kienet membru fil-Greċja - il-PASOK - kif ukoll mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) il-Gvern Grieg iffriża l-assi ta' Kaili.  Is-sieħeb tagħha Francesco Giorgi, wkoll kien arrestat.

Intant aqra hawnhekk ftit minn dak li ntqal fid-dibattitu organizzat fil-Plenarja fi Strasburgu propju dwar dan l-iskandlu. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024