L-MEP Peter Agius jgħid li qed jagħti prijorità lil Malta fuq kwistjonijiet ġeopolitiċi

Xtra fuq TVM | L-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius qal li l-prijorità ewlenija tiegħu fil-Parlament Ewropew se tkun fuq kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-Malta, minflok suġġetti ġeopolitiċi usa’ bħal dawk relatati mas-Sirja, l-Ukrajna jew il-Lvant Nofsani

L-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius qal li l-prijorità ewlenija tiegħu fil-Parlament Ewropew se tkun fuq kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-Malta, minflok suġġetti ġeopolitiċi usa’ bħal dawk relatati mas-Sirja, l-Ukrajna jew il-Lvant Nofsani.

Waqt intervent fil-programm Xtra fuq TVM, waqt li kien qed jivvjaġġa minn Brussell għal Strasburgu, Agius spjega li l-irwol tiegħu huwa li jiddefendi l-interessi tal-Malta fil-qafas Ewropew.

“Jien qiegħed hawn biex nassigura li, fil-qafas wiesa’ tal-Ewropa, l-interessi tal-Malta jiġu mħarsa. Irrid inkun ċar, ħadd m’għandu jieħu għalih, imma meta niġu għal kwistjonijiet bħas-Sirja, il-Lvant Nofsani, jew l-Ukrajna, dawk inħallihom għal ħaddieħor. Jien se niffoka fuq Malta,” qal Agius.

Agius enfasizza diversi sfidi li qed taffaċċja Malta bħal taħditiet fl-UE dwar it-taxxa fuq l-enerġija u l-politika ta’ koeżjoni, li jistgħu jħallu impatt ekonomiku sinifikanti fuq il-pajjiż speċjalment fejn jidħlu l-għotjiet li Malt tirċievi.

Semma wkoll l-importanza li Malta tassigura fondi Ewropej u opportunitajiet, speċjalment għaż-żgħażagħ. Agius iddeskriva l-programm tal-UE għall-2025 bħala opportunità kruċjali li Malta ma tistax tħalliha tgħaddi minn taħt idejha. “L-iktar ħaġa li qed nistenna b’ħerqa hija l-programm tal-Unjoni Ewropea, u hemmhekk għandha tkun l-attenzjoni tagħna,” żied jgħid.

Filwaqt li rrikonoxxa li xogħlu jinvolvi wkoll votazzjonijiet fuq politiki ta’ livell makro, Agius sostna li l-attenzjoni ewlenija tiegħu tibqa’ fuq kwistjonijiet prattiċi ta’ kuljum li jolqtu direttament liċ-ċittadini Maltin.

F’dan il-kuntest, l-MEP ġdid tal-Partit Nazzjonalista semma l-inizjattiva tiegħu b’rabta mal-vittma tal-kostruzzjoni Jean Paul Sofia. Il-ġimgħa li għaddiet.

Appell emozzjonali minn Isabelle Bonnici fil-Parlament Ewropew għal aktar sigurtà fil-kostruzzjoni f’Malta 

Omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici, għamlet appell emozzjonanti lill-Unjoni Ewropea ħalli tintervjeni sabiex Malta tippubblika kodiċi tal-bini. Hija għamlet din it-talba waqt laqgħa fil-Parlament Ewropew li onorat il-vittmi ta’ inċidenti fil-kostruzzjoni f’Malta. 

Il-laqgħa, organizzata mill-MEP Nazzjonalista Peter Agius, kienet immirata biex tqajjem kuxjenza dwar il-perikli fis-settur tal-kostruzzjoni u l-ħtieġa għal azzjoni konkreta. Bonnici ddeskriviet is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta bħala wieħed mimli “bullies u cowboys” li qed joħolqu kultura ta’ biża’ biex jevitaw ir-responsabbiltà. 

“Għandna bżonn nagħmlu ħafna aktar biex nevitaw inċident ieħor bħal dak li ħa l-ħajja ta’ ibni. Għadna nistennew kodiċi ġodda tal-bini. Għadna rridu naraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta dwar Jean Paul Sofia jiġu implimentati bis-sħiħ,” qalet Bonnici. 

L-inkjesta dwar l-inċident li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia inkludiet aktar minn 40 rakkomandazzjoni biex tissaħħaħ is-sorveljanza u s-sigurtà fis-settur. Fost ir-rakkomandazzjonijiet kien hemm valutazzjonijiet ġeoloġiċi u ta’ sigurtà obbligatorji għal xogħlijiet ta’ tħaffir, it-tneħħija ta’ permessi mogħtija b’mod mgħaġġel, u mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom. 

Min-naħa tiegħu, Peter Agius appella lill-awtoritajiet biex jimplimentaw riformi komprensivi li jiżguraw ġustizzja għall-vittmi u jipprevjenu traġedji futuri. “Leġiżlazzjoni mingħajr infurzar ma tfisser xejn,” qal Agius.  

“Inwettqu d-dmir tagħna lejn il-vittmi u l-familji tagħhom biex niżguraw li l-liġijiet jiġu applikati b’mod rigoruż.” 

Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, preżenti fl-istess laqgħa, wissa dwar il-konsegwenzi serji jekk il-problemi sistematiċi ma jiġux indirizzati.  

“Jekk ma jkollniex ir-rieda u l-kuraġġ biex nindirizzaw din il-problema mill-għeruq tagħha, nibża’ li l-istorja se terġa’ tirrepeti ruħha,” qal Caruana Cilia. 

Domenico Campogrande, Direttur Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Industrija tal-Kostruzzjoni (FIEC), enfasizza l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll robusti. “Jeħtieġ li jiġu implimentati kontrolli adegwati u effiċjenti, b’sanzjonijiet xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità,” qal Campogrande. 

Patricia Perez Gomez mill-Kummissjoni Ewropea saħqet li għalkemm hemm regoli komprensivi tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-infurzar tagħhom jibqa’ responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali. “Ir-regoli stabbiliti ma jwasslux għar-riżultati mixtieqa mingħajr infurzar xieraq,” qalet. 

Reazzjoni tal-Gvern 

B’reazzjoni għal dan id-dibattitu, il-Gvern qal li l-Inkjesta Pubblika kkonfermat li qatt ma kien hemm sitwazzjoni fejn il-kodiċi nazzjonali ġodda tal-bini ġew konklużi u mhux implimentati. 

“Fil-fatt, fuq stedina tal-Gvern, il-Kamra tal-Periti ppreżentat proposta dwar kif nistgħu naħdmu flimkien biex nassiguraw li pajjiżna jadotta l-Eurocodes fil-futur qarib,” qal il-Gvern.  

Żied jgħid li l-Gvern huwa kommess li jiddiskuti din il-proposta u jikkonkludi ftehim. L-introduzzjoni tal-kodiċi l-ġodda se żżid mal-miżuri oħra li ttieħdu fl-aħħar xhur, inkluż liġi ġdida dwar l-OHSA, servizz bla ħlas minn avukati u periti biex jgħinu lil dawk affettwati mill-kostruzzjoni, regoli dwar bini iżolat, u l-linja ta’ għajnuna 138.” 

Il-laqgħa ntemmet bi qbil fost il-parteċipanti dwar l-importanza ta’ azzjoni kollettiva biex jiġu implimentati riformi tas-sigurtà mingħajr dewmien. 

More in Politika