Metsola tħabbar riforma kbira fil-Parlament Ewropew wara l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni

Bosta faħħru d-diskors u anke l-azzjonijiet ta' Metsola li qalet li l-Parlament Ewropew irid jibgħat messaġġ ċar wara dan il-każ

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, f’diskors b’saħħtu, ħabbret pakkett ta’ riformi fid-dawl ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li heżżew lill-Parlament Ewropew.

Fid-diskors tagħha, Metsola saħqet li l-proċeduri kriminali jagħmlu ħsara mhux biss lid-demokrazija imma lil dak kollu li l-Unjoni Ewropea temmen fih u ħadmet tul is-snin biex tibni.

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropea Eva Kaili u tliet uffiċjali oħra ġew arrestati u akkużati b’korruzzjoni wara investigazzjoni mill-Pulizija Belġjana dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim mill-Qatar.

Aqra wkoll: Tifħir 'għall-azzjoni deċiżiva' ta' Metsola u wegħdi li se tiħrax il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

L-investigaturi qed jisħqu li dawn il-persuni u oħrajn ħadu somom kbar ta’ flus mill-Qatar bil-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Ewroparlamentari. Fid-dar ta' wħud minnhom, instabu xkejjer sħaħ bi flus kontanti.

Metstola kienet preżenti għall-arrest ta’ Kaili u bosta faħħru l-mod kif aġixixxiet u l-passi li ħadet immedjatament wara dawn l-arresti.

Illum, Metsola ħabbret pakkett ta’ riformi li mistenni jkun lest sas-sena l-ġdida.

“Irridu nibgħatu messaġġ b’saħħtu lil dawk li jipprovaw ixekklu l-ħidma tagħna,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew.

Il-pakkett ta’ riformi se jkun qed jara t-tisħiħ tal-proċedura parlamentari, projbizzjoni ta’ relazzjonijiet mhux uffiċjali ma’ ċertu gruppi, regoli ġodda ta’ mġieba u anke analiżi dettaljata dwar kif l-MEPs għandhom jaħdmu u ma’ pajjiżi terzi.

Mistoqsija jekk il-Parlament Ewropew kienx infurmat bl-investigazzjoni, Metsola qalet biss li rċeviet l-informazzjoni kollha fid-9 ta’ Diċembru.

“Aħna ma għandnix FBI Ewropew, imma li nista’ ngħid huwa li għamilna dak kollu li konna mitluba nagħmlu,” qalet Metsola.

Metsola rrifjutat inviti għat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar

Mistoqsija jekk irċevitx invit biex tattenti l-World Cup fil-Qatar, Metsola qalet li rrifjutat li tmur għax għandha riservi fuq il-mod kif jitmexxa dan il-pajjiż.

“Irċevejt numru ta’ inviti biex nattendi t-Tazza tad-Dinja u anke talba biex nindirizza l-Parlament, li rrifjutat,” qalet Metsola. 

More in Politika