Illejla fi Strasburgu: Metsola tikkummenta dwar l-iskandlu li heżżeż lill-Parlament Ewropew

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tisħaq li l-Parlament ikkoopera u se jkompli jikkoopera bis-sħiħ mal-pulizija hekk kif il-Viċi President tal-PE Eva Kaili ġiet arrestata fuq suspetti ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus b'rabta mal-Qatar

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola - Ritratt ta' Daina Le Lardic - Parlament Ewropew
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola - Ritratt ta' Daina Le Lardic - Parlament Ewropew

Ilejla fi Strasburgu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ikkumentat dwar l-aħħar żviluppi li jitrattaw l-arrest tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili, fost diversi persuni oħrajn fuq akkużi ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus b'rabta mal-Qatar, li bħalissa qed jospita t-Tazza tad-Dinja. Apparti Kaili kien hemm ukoll l-allegat involviment tal-eks Membru Paramentari Taljan Pier Antonio Panzeri - li bħal Kaili wkoll ġej mix-xellug u li bħalissa qed imexxi għaqda mhux governattiva li suppost tiġġieled l-impunità. 

Intant Metsola sostniet illi mhu se jkun hemm ebda impunità u li min huwa responsabbli se jsib lill-Parlament fuq in-naħa tal-liġi. "Mhu se jkun hemm ebda trab li jintefa' taħt it-tapit u allura l-Parlament se jkun qed jibda investigazzjoni interna sabiex jagħti ħarsa lejn il-fatti kollha u sabiex is-sistemi tagħna jkunu aktar reżiljenti," sostniet Metsola fi Strasburgu. 

"Ma hemmx business as usual," sostniet fid-diskors tagħha - l-ewwel wieħed minn meta spiċċat ġiet arrestata l-Viċi President tal-Parlament - filwaqt li wegħdet riforma li tevalwa, fost oħrajn, min qed jaċċessa l-bini tal-Parlament, kif dawn l-organizzazzjonijiet u nies jirċievu fondi , x'rabtiet għandhom ma' pajjiżi terzi u wegħdet aktar trasparenza wkoll f'dak li jirrigwarda laqgħat ma' barranin u r-rabtiet li għandhom mal-istituzzjoni li hi President tagħha. 

"Se ngħinu lil dawk li jesponu l-kriminalità u se nagħtu ħarsa lejn is-sistemi tal-Whistleblower biex naraw kif ikunu aktar b'saħħithom," kompiet twiegħed Metsola, hekk kif l-istituzzjoni li tmexxi qed tiffaċċja dak li wħud qed jaraw bħala wieħed mill-aktar każi gravi ta' allegat korruzzjoni li heżżeż lil din l-istituzzjoni fl-aħħar snin.

Kaili, li nstabet b'eluf fi flus konanti f'darha u li kienet arrestata mill-pulizija Belġjana nhar is-Sibt li għadda, hija waħda mill-14-il Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew u hija ferm popolari f'pajjiżha, il-Greċja. Hija kienet waħda mill-aktar nies li faħħru l-Qatar u li saħansitra qalet illi dan il-pajjż kien "fuq quddiem" f'dak li jirrigwarda drittijiet tax-xogħol - stqarrija meqjusa inkredibbli minn bosta hekk kif fl-aħħar snin - fuq xogħol relatat mat-Tazza tad-Dinja biss kienu rrapportati li mietu jew inkella weġġgħu mijiet ta' ħaddiema, importati minn barra bi ftit li xejn drittijiet. 

Filwaqt li tkeċċiet kemm mill-partit li tiegħu kienet membru fil-Greċja - il-PASOK - kif ukoll mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) il-Gvern Grieg iffriża l-assi ta' Kaili.  Is-sieħeb tagħha Francesco Giorgi, wkoll kien arrestat.

Metsola sostniet illi l-Parlament ħa azzjoni mill-ewwel sabiex l-awtoritajiet jassigiraw li l-passi legali kollha jkunu jistgħu jittieħdu u sabiex l-informazzjoni kollha tkun priservata - fejn meħtieġ - filwaqt li t-tagħmir elettroniku kollu jkun sikur. Fakkret kif l-uffiċini ta' dawk allegatament involuti ġew siġillati filwaqt li hi stess akkumpanjat - kif kien mistenni minnha - lill-Pulizija u lil Maġistrat Belġjan, waqt it-tfittxija fid-dar ta' Kaili. 

Intant fis-sigħat li ġejjin il-President Roberta Metsola se tkun qed tibda diskussjonijiet sabiex Kaili titneħħa minn Viċi President tal-Parlament Ewropew, hekk kif illejla wkoll fi Strasburgu sostniet li bħala prekawzjoni u minkejja li tirrispetta l-kunċett tal-preżunzjoni tal-innoċenza, hija effettivament neżżgħet lil Eva Kaili minn kull responsabilità li għandha bħala Viċi President. 

More in Politika