'Nitkellmu meta jkun hemm l-abbozz finali' - Il-President dwar jekk hux se jiffirma l-liġi tal-abort

Ilbieraħ il-President kiser it-tradizzjoni u s-skiet u fid-diskors ta' Jum ir-Repubblika appella lill-Gvern biex jisma' u jindirizza t-tħassib li bosta urew dwar l-emenda li se tkun qed tippermetti l-abort f'każ li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tkun f'riskju gravi

Il-President ta' Malta George Vella rrifjuta li jgħid x'se jkun qed jagħmel meta quddiemu tasal għall-firma l-liġi li se tkun qed tippermetti l-abort f'każ li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tkun f'riskju gravi.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jirriżenja jew inkella jsiefer biex il-liġi jiffirmaha l-Aġent President, il-President Vella qal li mhux se jikkummenta fuq "il-jekk" u se jitkellem biss meta quddiemu jasal l-abbozz finali.

Il-vot biex din l-emenda kontroversjali tidħol fl-aħħar fażi Parlamentari se jittieħed nhar it-Tnejn li ġej. Wara l-abbozz imur quddiem il-Kumitat Parlamentari fejn ikunu jistgħu jitressqu emendi qabel jittieħed il-vot finali u l-abbozz imur quddiem il-President għall-firma li tbiddlu f'liġi.

"Ma neskludi xejn," qal il-President meta mistoqsi jekk hux se jiffirma, jirriżenja jew inkella jsiefer meta quddiemu tasal din il-liġi. Qal biss li se jkun qed jitkellem meta jkun magħruf l-abbozz finali. 

"Dan huwa proċess ħaj li għaddej," qal il-President. "Nittama li jintlaħaq qbil biex kulħadd ikun kuntent. Dik hija d-demokrazija."

Aqra wkoll: Il-vot biex l-emenda tal-abort tgħaddi għall-aħħar fażi Parlamentari pospost għal nhar it-Tnejn

Kien dan l-istess messaġġ li għadda lbieraħ il-President meta waqt id-diskors ta' Jum ir-Repubblika kiser it-tradizzjoni u kkummenta dwar id-diskussjoni li għaddejja bħalissa waqt li appella lill-Gvern biex jisma' u jindirizza t-tħassib li qam. 

L-abbozz li ressaq il-Gvern jara li l-abort ikun permessibbli f'Malta meta l-ħajja jew inkella s-saħħa fiżika u mentali tal-mara tkun f'riskju 'gravi.'

Il-Gvern mhux juża il-kelma abort, filwaqt li l-Oppożizzjoni u diversi għaqdiet u professjonisti qed jinsistu li din l-emenda se tkun qed tiftaħ il-bieb beraħ biex jidħol l-abort f'Malta.

Fost l-aktar persuni voċiferi kontra l-emenda, hemm ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca imma anke eks uffiċjali tal-Partit Laburista, bħall-Avukat Joe Brincat, li qed jinsisti li jgħid x'jgħid il-Gvern, din l-emenda se ddaħħal l-abort.

Kemm l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba (MAM), il-Unjin tal-Infermiera (MUMN), il-Kamra tal-Ispiżjara u xejn inqas minn 80 akkademiku wkoll huma kontra din l-emenda.

450 tabib iffirmaw petizzjoni kontra din l-emenda, anke jekk 'il fuq minn 100 akkademiku ieħor qal li jaqbel mal-emenda.

Il-Knisja wkoll hija kontra l-emenda tal-Gvern, bl-Isqfijiet jisħqu li f'pajjiżi oħra, inkluż fir-Renju Unit, l-abort daħal b'emenda simili.

Il-kwistjoni qed iddur madwar il-kelma saħħa hekk kif l-abort se jkun permessibbli biss mhux meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu imma anke meta s-saħħa tal-mara tkun f'riskju 'gravi.' Dawk kontra qed jisħqu li l-emenda hija wisq vaga u se tkun qed tiftaħ il-bieb biex l-abort jiddaħħal f'Malta għax hemm wisq lok għal interpretazzjoni.

Sal-lum, meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, sakemm ma jkunux jistgħu jiġu salvati ż-żewġ ħajjiet, it-tobba jagħżlu li jsalvaw l-omm. Madanakollu dawn ma għandhom l-ebda ċertezza legali, anke jekk sal-lum qatt ma nqalgħu problemi minħabba dan. Il-Gvern qed jisħaq li din l-emenda se tagħti serħan il-moħħ u konfort legali għat-tobba u se tissalvagwardja l-ħajja u s-saħħa tal-omm.

Il-Prim Ministru Robert Abela indika diversi drabi li l-Gvern lest jiċċara t-terminoloġija iżda fl-istess ħin qal li l-ebda prinċipju mhu se jinbidel u r-referenza għas-saħħa tal-omm se tibqa' hemm.

More in Politika